LEJN SOĊJETÀ INKLUSSIVA
Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa dan il-Gvern kienet li jindirizza d-diskriminazzjoni li ssir fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru. Il-Ministeru diġà kellu taħdidiet mal-Kummissarju tal-Liġijiet dwar l-emendi li se jsiru fil-Kostituzzjoni biex l-ogħla liġi tal-pajjiż tagħti protezzjoni kontra din it-tip ta’ diskriminazzjoni, fosthom dik ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru. Dan ħabbritu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Lejn Soċjetà Inklussiva’, fl-okkażjoni tal-ewwel mitt jum tal-Gvern il-ġdid.
Il-Ministru Dalli qalet li l-emendi fil-Kostituzzjoni se jitressqu mill-Gvern bħala parti mill-Konvenzjoni Kostituzzjonali, li l-għan tagħha se jkun li tkun aġġornata l-Kostituzzjoni ta’ Malta għar-realtajiet tal-lum.
Il-Ministru Dalli tkellmet dwar dak li sar fl-ewwel mitt jum tal-ġvern il-ġdid fil-qasam tal-libertajiet ċivili.
Hi semmiet kif, għall-ewwel darba, il-Gvern Malti irrikonoxxa s-17 ta’ Mejju bħala l-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija u t-Transfobija. Dan il-jum se jibda jkun imfakkar kull sena.
Dalli fakkret kif fit-tieni xahar tagħha bħala Ministru, flimkien ma’ għadd ta’ Ministri Ewropej oħra, hija ffirmat sejħa uffiċjali lill-Kummissjoni Ewropea biex din tadotta politika komprensiva komuni dwar id-diskriminazzjoni kontra persuni LGBT.
Kunsill konsultattiv
Hekk kif wiegħed fil-manifest tiegħu, il-Gvern waqqaf kunsill konsultattiv li qed jaħdem fuq abbozzi ta’ liġijiet li se jagħtu aktar drittijiet lill-persuni LGBT f’pajjiżna.
Dr Dalli qalet li, hekk kif imwiegħed, dan il-kunsill huwa magħmul minn rappre\entanti tal-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu f’dan il-qasam. Dan hu xhieda ta’ kemm il-Gvern iqis lill-għaqdiet mhux governattivi bħala msieħba importanti fl-iżvilupp soċjali ta’ pajjiżna.
Dinjità lill-persuni transgender
Dr Dalli fakkret kif waħda mill-ewwel deċiżjonijiet tagħha bħala Ministru kienet li jintlaħaq ftehim barra l-qrati ma’ Ms. Joanne Cassar, tfajla li bidlet is-sess tagħha permezz tal-gender reassignment surgery. Il-ftehim sar wara li l-Gvern ħabbar li mill-ewwel kien se jimplimenta l-wegħda elettorali tiegħu li jagħti dinjità lill-persuni transgender.
Il-Ministru Dalli qalet li minn Lulju li ġej persuni transgender li jkunu għamlu bidla fis-sess tagħhom se jingħatalhom id-dritt li jkunu rikonoxxuti bis-sess il-ġdid għall-finijiet kollha tal-liġi.
Hija qalet li diġà tat linja gwida lill-kunsill konsultattiv biex jibda jaħdem fuq abbozz ta’ liġi dwar l-identità tal-ġeneru.
Dr Dalli qalet li qed tħares ’il quddiem lejn dibattitu miftuħ fuq dan is-suġġett.
Unjoni ċivili
Il-Ministru Dalli qalet li bħalissa qed isir xogħol mill-kunsill konsultattiv dwar abbozz ta’ liġi dwar l-unjoni ċivili u dan se jitressaq quddiem il-Parlament qabel l-aħħar ta’ din is-sena.
Dalli qalet li huwa d-dmir tal-Gvern li jara li, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali, kulħadd ikollu d-dritt li jifformalizza r-relazzjoni tiegħu u jgħix ħajja kuntenta.
Edukazzjoni
Il-Ministru Dalli qalet li l-aqwa mezz biex is-soċjetà tiġġieled id-diskriminazzjoni, l-omofobija u t-transfobija, huwa permezz ta’ tagħlim sa minn eta` żgħira.
Hija semmiet li f’Mejju li għadda żaret kulleġġ sekondarju f’The Hague, l-Olanda, fejn l-istudenti u l-edukaturi tagħhom jiċċelebraw id-diversità permezz ta’ diversi inizjattivi, bħala parti mill-kurrikulu tagħhom. Dalli qalet li dan hu mudell li rnexxa kemm fl-Olanda, kif ukoll fl-Istati Uniti.
Dr Dalli ħabbret kif, flimkien mall-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, il-Ministeru tagħha qed jara x’inizjattivi jistgħu jkunu introdotti fl-iskejjel sabiex it-tfal jitilgħu f’ambjent li jirrispetta u jiċċelebra d-diversità. Hi qalet: “irridu li s-soċjetà Maltija ta’ għada tkun ħielsa mill-preġudizzji u kulħadd iħossu ħieles li jgħix ħajtu mingħajr l-ebda xkiel jew diskriminazzjoni”.
Separazzjoni bejn Stat u Knisja
Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern Malti u s-Santa Sede se jirrivedu l-ftehim li hemm bejniethom, biex dan jirrifletti r-realtajiet tas-soċjetà kontemporanja, li tara l-bżonn ta’ separazzjoni bejn Stat u Knisja.
Dritt tal-vot lil żgħażagħ ta’ 16-il sena
Il-Ministru Dalli qalet li skont kif imwiegħed fil-manifest elettorali, il-Gvern diġà qed jaħdem sabiex żgħażagħ ta’ 16-il sena jingħataw id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, biex huma wkoll ikollhom vuċi fit-tmexxija lokali. Dalli qalet li din hija turija ta’ fiduċja fiż-żgħażagħ.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029