DISKORS MILL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT FL-OKKAŻJONI TAL-INAWGURAZZJONI TAL-ĦAMSA U SITTIN EDIZZJONI TAL-FIERA INTERNAZZJONALI TA’ MALTA - IL-MALTA FAIRS AND CONVENTION CENTRE TA’ QALI – L-ERBGĦA, 26 TA’ ĠUNJU 2013
Il-Fiera Internazzjonali ta’ Malta hija ċelebrazzjoni ta’ kummerċ u vetrina għall-business lokali u internazzjonali. Mod kif in-negozju juri l-prodotti tiegħu u joffri servizz f’atmosfera ta’ kompetizzjoni fejn il-kwalità, il-prezz u s-servizz jiġu ppreżentati lill-konsumatur li jkollu ċ-ċans jagħżel bejn prodott u ieħor bil-kumdità kollha.
Nemmen li l-business huwa l-pulmun tal-ekonomija. Irridu naraw b’hekk li fid-deċiżjonijiet li nieħdu nkunu qiegħdin nagħtu iktar ossiġnu biex in-negozju jissaħħaħ u jikber.
B’hekk dan il-Gvern huwa kommess li jieħu deċiżjonijiet effettivi u konkreti mingħajr wisq tidwir biex jara li l-konsumatur ikollu flus f’idejh, in-negozju jikber u jiġġenera iktar xogħol u r-rota ekonomika ddur b’ritmu aktar mgħaġġel.
Is-sinjali huma pożittivi.
Sa mill-ewwel jiem ħadna deċiżjonijiet li huma favur l-intrapriżi u n-negozji u qed naraw li nattakkaw il-kawżi li jwasslu għal staġnar ekonomiku. Mill-esperjenza tiegħi bħala Prim Ministru f’dawn l-ewwel mitt jum, in-negozju ma jittallabx għall-għajnuna, imma jitlob li jitħalla jaħdem, li jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn u li ma jsibx bsaten fir-roti imma bieb miftuħ u tapit mifrux.
B’hekk ma niddejjaqx ngħid li dan il-Gvern u jien bħala Prim Ministru aħna pro-business. Gvern li għandu pjan u jaf fejn irid jasal biex niffaċilitaw it-triq għall-prosperità li ssaħħaħ it-tkabbir ekonomiku.
Nemmen li l-ekonomija tista’ tkompli tikber b’ritmu aktar mgħaġġel u b’mod aktar bbilanċjat fejn is-setturi ekonomiċi kollha jikkontribwixxu b’mod pożittiv lejn tkabbir ekonomiku. Il-potenzjal qiegħed hemm.
It-transizzjoni kalma minn amministrazzjoni għal oħra għenet ħafna sabiex tkompli titkattar il-fiduċja fil-pajjiż. Ridna nibagħtu messaġġ ta’ stabbiltà fil-pajjiż għax nemmnu li intom, persuni li qed tinvestu fil-potenzjal li joffri pajjiżna, ma għandkomx tieħdu skossi minħabba bidla f’amministrazzjoni. Bil-maqlub anzi. Nemmen li bidla f’amministrazzjoni għandha tgħin biex tagħti nifs ġdid u toffri mentalità ġdida ta’ kif l-istat jopera fil-konfront tan-negozju.
Id-deċiżjonijiet li qed nieħdu fl-oqsma tal-enerġija u sabiex jinfetħu u jitkattru opportunitajiet ta’ investiment fil-pajjiż qed jagħtu r-riżultati, għalkemm għadu kmieni biex wieħed idoqq trombi.
Il-fiduċja tal-investituri u l-konsumaturi tjiebet u huwa inkoraġġanti li xahar għal xahar rajna tnaqqis fir-rata tal-qagħad, meta għal xhur konna qed naraw żieda fir-rata tal-qagħad.
F’dan iż-żmien qasir li ili bħala Prim Ministru rajt enerġija pożittiva ta’ nies li jridu jaħdmu u jinvestu iktar f’pajjiżna.
Fil-qasam tal-enerġija ninsabu on-track fuq il-pjan tagħna li nimmodernizzaw il-ġenerazzjoni tal-enerġija, innaddfu l-arja u nraħħsu l-kontijiet. Il-privat qed juri li lest jaħdem mal-Gvern għal dan il-għan. Fl-aħħar ġimgħat komplejt insaħħaħ il-fehma li dejjem kelli li dan il-pjan huwa fattibbli u li roħs sostenibbli fil-kontijiet jista’ jwassal f’għajnuna għan-negozji u l-familji li jirriżulta f’aktar flus fl-idejn, aktar xogħol u tkabbir ekonomiku. Komplejna ninvestu wkoll bis-saħħa fuq enerġija alternattiva u niehu gost ninnota l-ammont ta’ negozju li qed jiġi ġġenerat permezz ta’ skemi biex il-familji u n-negozji jużaw sistemi nodfa biex jiġġeneraw l-enerġija fi djarhom u n-negozji tagħhom.
Mil-lat ta’ ppjanar diġà tajna direzzjoni ċara permezz ta’ deċiżjonijiet li ħadna biex min hu lest jinvesti ma jsibx xkiel żejjed u huwa b’hekk li naqqasna t-tariffi tal-MEPA u anke qed naraw li jiġu mnaqqsa proċessi burokratiċi f’din l-awtorita.
Dan iwassalni għal punt li narah bħala kruċjali biex inneħħu kemm jista’ jkun ostakli għal min irid jinvesti, jiġifieri l-burokrazija esaġerata li teżisti. Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet tiegħi kienet li jkolli segretarju parlamentari fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li huwa politikament responsabbli mit-tnaqqis tal-burokrazija. Il-ġimgħa l-oħra ħabbart it-twaqqif tal-kariga ta’ Kummissarju Kontra l-Burokrazija u se nkun jien li nieħu responsabbiltà li nnaqqsu l-proċessi burokratiċi biex l-investitur isib tapit mifrux u mhux tellieqa mimlija ostakli.
Hemm inizjattivi oħra li nista’ insemmi biex naraw li l-ekonomija tagħna taqbad ritmu aktar mgħaġġel bħas-sejħa għall-interess fl-iżvilupp tal-eks-shipbuilding biex nagħmlu minn Malta ċentru marittimu. Sejħa għall-interess għal-liċenzji ta’ casino f’Malta u ieħor f’Għawdex. Qed naħdmu biex f’Għawdex ikollna cruise liner terminal u nedejna l-Global Residence Programme biex nagħti spinta lil diversi setturi ekonomiċi b’inċentiv għal investiment fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta u f’Għawdex.
Il-messaġġ tiegħi huwa li dan il-Gvern se jkun spalla ma’ spalla magħkom l-investituri żgħar u kbar. Sħab strateġiċi biex naraw pajjiżna jimxi ‘il quddiem u nkattru l-ġid.
Dan il-Gvern lest li jisma’, imma lest ukoll jiddeċiedi u jerfa’ r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet li jittieħdu.
Grazzi tal-fiduċja li qed turu f’pajjiżna bl-investiment tagħkom. Grazzi talli flimkien se nkomplu nagħmlu minn dan il-pajjiż suċċess.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029