GĦAJNUNA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX GĦALL-PROĠETT FIL-MUŻEW DAR KARMNI GRIMA
Permezz ta’ skema mnedija mill-Ministeru għal Għawdex qed jiġi ffinanzjat proġett koordinat minn kumitat fi ħdan is-Santwarju Nazzjonali ta’ Pinu għax-xiri ta’ vetrini biex jintużaw fil-Mużew Dar Karmni Grima.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono żaret dan il-mużew, li kien id-dar li fiha għexet Karmni Grima, fejn bħalissa jinsabu għaddejjin xogħlijiet ta’ konservazzjoni u restawr li qed isiru bl-għajnuna finanzjarja tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2007 – 2013. Hija sostniet li l-Ministeru għal Għawdex jappoġġja bis-sħiħ dan il-proġett u ser ikun qed jgħin permezz tax-xiri ta’ erba’ vetrini sabiex fihom jitpoġġew oġġetti reliġjużi relatati mal-ħajja ta’ Karmni Grima biex dawn ikunu jistgħu jiġu esposti għall-pubbliku. Dan permezz tal-iskema li tnediet bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni Eko-Għawdex 2010 – 2012.
Il-Ministru Giovanna Debono qalet li permezz ta’ dan il-proġett, is-Santwarju ta’ Pinu ser ikun qed jingħaqad mal-Ministeru għal Għawdex u ma’ entitajiet oħra f’ħidma kollettiva li tħares u tippromwovi l-wirt storiku u kulturali Għawdxi. Dan sabiex ikun jista’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u dawk futuri, filwaqt li jservi biex jissaħħaħ il-valur turistiku tal-gżira. “It-turiżmu reliġjuż huwa niċċa importanti fis-settur turistiku fil-gżira Għawdxija u bla dubju siti bħal dan il-mużew ser ikunu strumentali biex itejbu l-esperjenza ta’ viżitaturi li jfittxu dan it-tip ta’ turiżmu f’Għawdex”, temmet tgħid il-Ministru Debono.
Il-proġett tar-restawr u konservazzjoni tal-Mużew Dar Karmni Grima qed isir b’investiment ta’ €400,000, b’85% tal-fondi jiġu ffinanzjati minn fondi Ewropej. Ix-xogħol jinkludi dak strutturali, l-installazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ dwal, preżentazzjoni awdjo-viżiva tal-ħajja ta’ Karmni Grima, u l-messaġġ li rċeviet mingħand il-Madonna, l-installazzjoni ta’ lift sabiex il-mużew ikun aċċessibbli għal kulħadd kif ukoll installazzjoni ta’ sistema tal-elettriku ġġenerat mill-enerġija solari. Dan huwa parti mill-proġett Niskopru Turiżmu Kulturali u Reliġjuż f’Għawdex, li jinvolvi wkoll ir-restawr ta’ 12-il pittura, xogħol l-artist Malti Joseph Briffa, li jinsabu riprodotti fil-mużajk ġewwa s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu.
Dan il-mużew jinsab fil-bidu ta’ Triq Għarb u oriġinarjament kien id-dar ta’ Karmni Grima, xbejba mill-Għarb, li fis-seklu dsatax kellha dehriet mill-Madonna.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031