Left arrow Go Back

SENA AKKADEMIKA ĠDIDA GĦAL 55 ANZJAN F’GĦAWDEX

pr2291
Date Icon 19/10/2012

Dalgħodu reġa’ ngħata bidu għal sena akkademika oħra li fiha grupp ta’ 55 persuna anzjana ser ikunu qed jattendu l-Università tat-Tielet Età (U3E) f’Għawdex. Il-kors ta’ attivitajiet marbut ma’ din l-inizjattiva kien beda 16-il sena ilu fuq inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex.

Bħas-snin l-imgħoddija ġiet organizzata quddiesa fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum f’Għajnsielem u wara saret laqgħa ta’ introduzzjoni għal dawk li ser jibdew il-kors ta’ din is-sena. Il-parteċipanti kellhom ukoll l-okkażjoni li jiltaqgħu flimkien waqt riċeviment żgħir.

Ġiet imħabbra wkoll inizjattiva partikolari għal din is-sena. Kull parteċipant li ser jattendi l-kors tal-U3E din is-sena, ser jippreżenta riċetta tradizzjonali Għawdxija biex eventwalment joħroġ ktieb ta’ riċetti Għawdxin mill-imgħoddi. Din l-inizjattiva ssegwi żewġ inizjattivi oħra li ttieħdu fis-snin li għaddew li permezz tagħhom ġie ppublikat il-ktieb “Iż-Żifna ta’ Żmienhom” kif ukoll is-CD “Memorji Għawdxin”. Ingħata tagħrif dwar l-andament tal-kors għal matul is-sena fejn l-ewwel semestru, li jkopri 13-il lezzjoni bejn Ottubru u Frar, ser jitratta l-Psikoloġija tal-Personalità minn Rev. Anthony Theuma u l-Kristjani f’Dinja Għarbija: Sena wara r-Rebbiegħa Għarbija minn Rev. Dr Joe Vella Gauci.  It-tieni semestru li jkopri 13-il lezzjoni bejn Frar u Ġunju ser jitratta l-Iżvilupp Kostituzzjonali ta’ Malta u Għawdex minn Prof. Edward Warrington u tagħlim dwar is-saħħa mit-tabib Dr Mario Saliba. Il-lezzjonijiet ser jibdew nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ottubru 2012 u ser isiru fil-Kampus tal-Università fix-Xewkija u fiċ-Ċentru għal Matul il-Jum f’Għajnsielem.

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono ngħaqdet mal-parteċipanti anzjani għal ftuħ ta’ din is-sena akkademika. Hija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-parteċipazzjoni inkoraġġanti li kien hemm għal dan il-kors matul is-snin u qalet li l-parteċipazzjoni tal-anzjani fil-U3E toffri opportunità lil parteċipanti fuq bażi individwali biex iżommu ruħhom attivi, filwaqt li tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà Għawdxija. Dan jikseb valur addizzjonali meta wieħed iqisu fil-kuntest tas-sena Ewropea għall-Anzjanità Attiva. Hija ħeġġet lil dawk preżenti biex jippromwovu dawn l-inizjattivi biex oħrajn ikunu jistgħu jaqsmu magħhom l-esperjenzi li jagħmlu flimkien.

Il-kors tal-U3E f’Għawdex huwa kkoordinat mis-Sezzjoni għall-Anzjani u Bżonnijiet Speċjali fid-Dipartiment tal-Customer Services fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Din is-sezzjoni tikkoordina wkoll għajnuna lill-anzjani fid-djar tagħhom, is-servizzi tal-meals-on-wheels u l-handyman, kif ukoll l-attivitajiet ġewwa ċ-ċentru ta’ matul il-jum. Dawn is-servizzi jiffaċilitaw il-ħajja għal bosta anzjani Għawdxin biex ikunu jistgħu jkomplu jgħixu ħajja normali fi ħdan il-komunità tagħhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  Six kilometres of new cables to continue reinforcing Birkirkara’s electricity network

PR262024en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  Sitt kilometri ta’ cables ġodda biex ikompli jissaħħaħ in-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Birkirkara

PR262024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow