STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Sitt kilometri ta’ cables ġodda biex ikompli jissaħħaħ in-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Birkirkara
L-Enemalta qed tkompli tinvesti fin-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta, b’aktar xogħlijiet ta’ tisħiħ f’Birkirkara li jiffurmaw parti mill-pjan ta’ disa’ snin.
Waqt żjara tax-xogħlijiet flimkien mat-tim tal-Enemalta u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli qalet, “Mhux biss qed inwieġbu għad-domanda tal-lum għall-elettriku, iżda qed nantiċipaw il-ħtiġijiet ta’ għada. Permezz ta’ interventi bħal dawk li għaddejjin f’Birkirkara, qed nibnu network tal-elettriku aktar b’saħħtu u reżiljenti.”
Il-proġett jinvolvi l-installazzjoni ta’ madwar sitt kilometri ta’ cables ta’ 11kV f’żoni differenti ta’ Birkirkara. Ix-xogħlijiet jinkludu s-sostituzzjoni ta’ cables eżistenti, kif ukoll l-installazzjoni ta’ cables ġodda ta’ 11kV biex ikompli jissaħħaħ in-network.
Permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet, Enemalta qiegħda ssaħħaħ l-infrastruttura tal-vultaġġ medju li taqdi żoni differenti ta’ Birkirkara, kif ukoll in-network tal-vultaġġ baxx permezz ta’ feeders ġodda li jkopru madwar 600 metru.
“Il-proġett f’Birkirkara jgħaqqad l-installazzjoni ta’ infrastruttura ġdida ta’ 11kV mat-tiġdid ta’ sezzjonijiet tan-network eżistenti li huma aktar esposti għall-ħsarat minħabba l-għadd ta’ ġonot fil-cables. Qed ninstallaw ukoll feeders ġodda tal-vultaġġ baxx biex inkomplu nsaħħu n-network tal-vultaġġ baxx. Dawn l-interventi se jsaħħu r-reżiljenza u l-kapaċità tan-network u jiffurmaw parti mix-xogħlijiet ta’ tisħiħ li qed isiru permezz tal-pjan ta’ disa’ snin tagħna,” qal l-Inġ. Etienne Lewis.
Ix-xogħlijiet f’Birkirkara jiffurmaw parti minn programm usa’ ta’ investiment mill-Enemalta madwar Malta u Għawdex. Permezz tal-pjan ta’ disa’ snin, l-Enemalta qed tkompli ssaħħaħ, iġġedded u tespandi n-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku billi tinvesti f’cables, feeders, substations, ċentri tad-distribuzzjoni u infrastruttura oħra tal-elettriku.
Other Press Releases:
PR262024en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR262023en