PROĠETT EKOLOĠIKU TAD-DJOCESI TA’ GĦAWDEX KO-FINANZJAT MILL-FOND TAL-GĦAQDIET MHUX GOVERNATTIVI
Id-Djocesi ta’ Għawdex ħadet aktar minn terz ta’ miljun ewro minn fondi tal-Unjoni Ewropeja sabiex tagħmel diversi proġetti ta’ panneli foto-voltajiċi. Dan il-proġett qed jiġi ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvillup Reġjonali (FEZR) filwaqt li l-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja qed jgħin lid-Djoċesi ta’ Għawdex biex tikkofinanzja l-parti l-oħra tal-proġett. Din l-għajnuna qed tingħata mill-fond ta’ ko-finanzjament li twaqqaf apposta biex jgħin diversi NGO’s jidħlu għal dawn it-tip ta’ proġetti. Il-proġett huwa msejjaħ ‘Il-Kontribut tad-Djoċesi Għawdxija biex Għawdex jinbidel fi Gżira Ekoloġika’.
Id-dettalji dwar dan il-proġett li issa huwa lest ngħataw minn Dun Eddie Zammit, rappreżentant tad-Djoċesi ta’ Għawdex waqt żjara li l-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja għamel fil-parroċċa ta’ Għajnsielem fejn żar parti minn dan il-proġett.
Il-proġett jinkludi ammont sostanzjali ta’ pannelli li twaħħlu fuq l-Uffiċċji Amministrattivi tal-Kurja ta’ Għawdex fir-Rabat, fuq iċ-Ċentru Pastorali Rgħaj it-Tajjeb f’ Taċ-Ċawla fir-Rabat ukoll, fuq iċ-Ċentri Parrokkjali tal-Munxar u ta’ Għajnsielem kif ukoll fuq il-bejt tal-Knisja Parrokkjali ta’ Għajnsielem.
Waqt din iż-żjara l-Ministru Said qal li dan il-proġett għandu jservi ta’ eżempju kif għaqdiet mhux Governattivi, Kunsilli Lokali u l-parroċċi jistgħu jservu ta’ eżempju għar-residenti tagħhom billi juru l-benefiċċji li wieħed jieħu minn dan l-investiment. L-ewwel benefiċċju huwa dak ambjentali għaliex proġetti ta’ dan it-tip jgħinu biex jitnaqqsu emissjonijiet fl-arja. Infatti dan il-proġett huwa stmat li waħda ser jiffranka 65,300 kg ta’ emissjonijiet ta’ Co2 fl-arja fis-sena. It-tieni riżultat ta’ dan l-investiment huwa li dan ser jiġġenera madwar 75,000 KwH ta’ enerġija fis-sena. Dan iffisser li jitnaqqas b’mod konsiderevoli l-kont tal-enerġija u l-flus iffrankati jistgħu jintużaw f’ inizjattivi oħra għal ġid tal-membri tal-għaqdiet u r-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet.
Il-Ministru Said appella lil dawn l-għaqdiet li jiffurmaw parti mid-Djoċesi ta’ Għawdex biex jużaw dan il-proġett biex ikun ta’ eżempju billi kontinwament permezz ta’ diversi metodi juri lill-membri taghħom kemm qed jiġi ffrankat mill-kont u kemm qed jiġu ffrankati emissjonijiet fl-arja. Dan diġa qed jagħmluh permezz ta’ websites li juru kuljum dak li qed jiġi ffankat.
Il-Ministru spjega wkoll l-iskop tal-fond ta’ ko-finanzjament u fisser kif dan kien suċċess għax għen numru kbir ta’ NGO’s biex jieħdu fondi tal-Unjoni Ewropeja. Huwa spjega li dan kien ikun fermġ diffiċli għall-NGO’s li jiffinanzjaw il-parti tagħhom mill-fondi limitati li għandhom pero dan il-fond fl-aħħar tlett snin fetaħ beraħ il-bibien ta’ opportunitajiet għal dawn l-għaqdiet.
Il-Ministru Said faħħar l-impenn tad-Djocesi ta’ Għawdex li daħlet għal dan il-proġett li jinkwadra perfettament fil-viżjoni ta’ eko-Għawdex u ħeġġeġ lid-Djoċesi biex tidħol għal proġetti simili fil-futur ma’ parroċċi u ċentri oħra mifruxin fil-lokalitajiet kollha madwar Għawdex.
Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm Dun Eddie Zammit bħala rappreżentant tad-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Arċipriet ta’ Għajnsielem l-Kan Frankie Bajada u l-Kappillan tal-Munxar Dun Michael Said.
Other Press Releases:
PR262024en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR262024