AKTAR MINN 60% TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ MALTIN JAQRAW KULJUM
- 44% taż-żgħażagħ jippreferu jaqraw bl-Ingliż u 17% jippreferu jaqraw bil-Malti
- Il-Konkors Kitba Letteratura għaż-Żgħażagħ ta’ Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qiegħed 6 kotba ġodda fis-suq għal qari
- Awturi żgħażagħ qed jingħataw għajnuna biex itejbu l-ħiliet tagħhom fil-kitba
Minn stħarriġ li kien ippubbilkat ftit tal-ġranet ilu dwar iż-żgħażagħ u l-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet tagħhom ħareġ li aktar minn 60% taż-żgħażagħ jaqraw kull jum, b’nofshom jaqraw għal siegħa kull jum. Ħareġ ukoll li filwaqt li 44% taż-żgħażagħ iħobbu jaqraw bl-Ingliż, 17% biss jaqraw bil-Malti. Dan jista’ jirrifletti l-fatt li hawn nuqqas ta’ letteratura bil-Malti għaż-żgħażagħ adoloxxenti u kien għalhekk li fl-2009 il-Gvern permezz ta’ Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb nieda l-Konkors Kitba Letteratura għaż-Żgħażagħ li għandu l-għan li jħeġġeġ kittieba jiktbu testi għaż-żgħażagħ billi jiffinanzja l-pubblikazzjoni tagħhom filwaqt li jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ biex huma wkoll jibdew jiktbu bil-Malti.
Dan qalu l-Onor Clyde Puli meta nieda żewġ kotba ġodda bil-Malti għaż-żgħażagħ u adoloxxenti waqt attività fl-Iskola Sekondarja tal-Bniet Santa Lucia, Kulleġġ St Thomas More. Il-kotba imnedija Storja Maqsuma ta’ Emanuel Psaila u Tmiem il-Ġimgħa ta’ Ivan Bugeja huma rebbieħa tal-Konkors Kitba Letteratura għaż-Żgħażagħ amministrat minn Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb
Is-Segretarju Parlamentari spjega li Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed ittellgħu dan il-programm ta’ empowerment għaż-żgħażagħ, il-Konkors “Letteratura għaż-Żgħażagħ” li jixpruna il-letteratura Maltija maħsuba għall-età tal-adolexxenza. Dan il-konkors huwa miftuħ għal manuskritti li jitrattaw l-età tal-adolexxenza, li jfisser żgħażagħ ta’ bejn 12 u 17-il sena. Ix-xogħol irid ikun oriġinali, bil-lingwa Maltija u li qatt ma deher ippubblikat, la sħiħ u lanqas xi partijiet minnu. L-Onor Puli spjega kif dan il-konkors għandu għan doppju għaliex minn naħa jindirizza in-nuqqas ta’ kitba għaż-żgħażagħ bil-Malti u jinċentiva lill-awturi stabbiliti jiktbu bil-Malti u fl-istess waqt iħeġġeġ lil kittieba żgħażagħ li għandhom passjoni għall-kitba jiktbu testi huma stess filwaqt li jieħdu esperjenza qabel ma jaslu biex jippubblikaw.
Il-Konkors hu miftuħ għal kulħadd. Kull kompetitur jista’ jissottometti sa tliet manuskritti, iżda ma jistax jirbaħ aktar minn premju wieħed. Kull manuskritt m’għandux inkun inqas minn 20,000 kelma u m’għandux jaqbeż il-25,000 kelma.
Il-Konkors beda fl-2009. Ir-rebbieħa tal-konkors tas-sena 2009-2010 kienu Rita Saliba bil-ktieb Inżul ix-Xemx u Simon Bartolo bil ktieb Kliem ir-Riħ. Il-kittieb żgħażugħ kien Fr. Rene Cilia. Dawn iż-żewġ kotba rebbieħa diġà ġew ippubblikati.
Ir-rebbieħa tal-konkors tas-sena 2010-2011 kienu Emanuel Psaila bil-ktieb Storja Maqsuma u Ivan Bugeja bil-ktieb Tmiem il-Ġimgħa. Barra minn hekk, Cherise Ann Abela u Kenneth Curmi kienu l-kittieba żgħażagħ rebbieħa.
Ir-rebbieħa tal-konkors tas-sena 2011-2012 kienu Carmel Scicluna bil-kiteb Ossessjoni u Rita Saliba bil-ktieb Bella. Andre Mangion bil-ktieb Tattoo rebah il-kittieb żgħażugħ. Dawn it-testi qed jiġu rranġati biex jiġu ppubblikati fix-xhur li ġejjin.
Other Press Releases:
PR262024en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR262024