IL-PREMJU TAL-PRESIDENT GĦALL-KREATTIVITÀ
“Il-kreattività hija karatteristika fondamentali tal-bniedem għax il-bniedem biss hu mogħni b’din il-kwalità. Il-kreattività hija dik il-ħila li wieħed joħloq xi ħaġa ġdida u utli, proċess li bih tiġi prodotta xi ħaġa oriġinali u siewja. Il-kreattività tista’ tidher f’kull qasam tal-attività umana u tista’ tieħu ħafna forom differenti. Għalkemm persuna tista’ tkun kreattiva aktar minn oħra, naħseb li m’hemm ħadd li huwa nieqes għal kollox minn xi livell ta’ ħila kreattiva. Il-Premju tal-President għall-Kreattività huwa, għalhekk, aċċessibbli għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha li għandhom xi talent u li jeħtieġu għajnuna biex jagħmlu dan.” Hekk qal il-President George Abela waqt li tħabbru ir-rebbieħa tal-Premju tal-President ghall-Kreattività fejn din is-sena kienu 16 tfal, 4 żgħażagħ u 8 proġetti għall-komunità li ħadu l-premju għas-sena 2012.
Dan il-premju jinkoraġġixxi lil kull tifel u tifla jew żagħżugħ jew żagħżugħa li għandhom xi ħila kreattiva sabiex jaħdmu biex jiżviluppawha u, jekk jeħtieġu xi għajnuna, il-premju jkun jista’ jgħin permezz ta’ fondi dedikati apposta. Il-premju, għalhekk, għandu l-iskop preċiż li jgħin fl-iżvilupp ta’ talenti ġodda u fit-tkattir ta’ ħidma marbuta ma’ proġetti tal-arti li jimpenjaw lit-tfal u ż-żgħażagħ fil-komunità.
“Il-premju huwa mmirat biex jilħaq tfal u żgħażagħ, speċjalment dawk vulnerabbli, li jeħtieġu l-għajnuna finanzjarja biex jagħmlu progress fit-talent tagħhom għax inkella jista’ jkun hemm ir-riskju li dan it-talent jintilef. Pajjiżna hu nieqes minn riżorsi minerali u l-vera riżorsa tagħna hija dik umana. Dan jimplika li ma nistgħu nittraskuraw l-ebda opportunità li ngħinu tfal u żgħażagħ irawmu t-talenti tagħhom. Għaldaqstant, il-premju jinqasam fi tliet programmi maħsuba wieħed għat-tfal, wieħed għaż-żgħażagħ u l-ieħor għall-komunità.” Kompla jgħid il-President Abela.
It-taqsima tat-tfal tindirizza għajnuna lejn tfal u żgħażagħ taħt is-sittax-il sena li juru talent eċċezzjonali fl-arti kreattiva, fosthom it-teatru, il-mużika, iż-żfin, is-snajja’ u d-disinn, il-kitba kreattiva, film u arti viżiva jew taħlita ta’ dawn. Il-Premju tal-President għall-Kreattività (Tfal) jappoġġja l-potenzjal kreattiv ta’ tfal u żgħażagħ billi jgħinhom isegwu t-talenti kreattivi tagħhom sabiex jiksbu sens ogħla ta’ teknika u ħila. Għalliema fl-iskejjel primarji u sekondarji, kif ukoll għalliema fl-ambjenti mhux formali u informali tat-tagħlim, ingħataw il-possibbiltà li jinnominaw l-aħjar talenti li qed jitfaċċaw fid-diversi oqsma tal-kreattività.
Din is-sena, sittax-il nominat f’din il-kategorija tal-Premju rċevew l-għajnuna. L-istess ħsieb jinsab wara l-Premju marbut maż-żgħażagħ li juru talent eċċezzjonali fil-forom varji tal-arti, li jinkludu t-teatru, il-mużika, iż-żfin, is-snajja’ u d-disinn, il-kitba kreattiva, il-film u l-arti viżiva u jkollhom età bejn is-17 u l-25 sena. Il-Premju huwa ddisinjat biex jagħti għajnuna materjali lil artisti ġodda u promettenti f’dawk li huma riċerka u żvilupp ta’ proġetti kreattivi flimkien ma’ operaturi kulturali. L-idea hi li proġetti li jkunu se jiġu żviluppati għall-ewwel darba fuq livell professjonali minn individwi jew gruppi fl-oqsma kreattivi jkunu jistgħu jiġu realizzati permezz ta’ finanzjament mill-fond tal-premju.
Din is-sena f’din il-kategorija erba’ proġetti li jiffokaw l-aktar fuq il-letteratura u l-mużika ingħataw il-premju.
It-tielet kategorija tal-premju hija marbuta mal-komunità u hija diretta lejn organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet, sew jekk huma privati u sew jekk huma pubbliċi, li jħeġġu l-iżvilupp tal-kreattività fost it-tfal u ż-żgħażagħ żvantaġġjati. Dan jinkludi proġetti li jimpenjaw artisti u professjonisti oħra biex jiżviluppaw u jirrealizzaw programmi ta’ kreattività li jħarsu lejn il-ħtiġijiet tat-tfal u taż-żgħażagħ fi ħdan il-komunità.
Il-President George Abela feraħ lil benefiċjarji li rnexxielhom joħolqu proġetti ta’ kreattività u awguralhom aktar suċċess fil-ġejjieni filwaqt li ħeġġeġ lill-għalliema u persuni responsabbli mit-tfal u ż-żgħażagħ sabiex jidentifikaw kandidati promettenti ħalli jiġu nominati għall-premju tas-sena li ġejja.
Other Press Releases:
PR262024en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR262024