Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. JASON AZZOPARDI, MINISTRU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR, FIT-TIELET EDIZZJONI TAL-KONFERENZA DWAR L-ARTIĠJANAT MALTI - SAN ĠILJAN - IL-ĦAMIS 18 TA’ OTTUBRU 2012

pr2278
Date Icon 18/10/2012

Sinjuri,

Għat-tielet sena konsekuttiva qegħdin norganizzaw Konferenza dwar l-Artiġjanat Malti u din is-sena wkoll, din l-attività qegħda tifforma parti mill-programm ta’ attivitajiet li l-Gvern Malti ħejja biex flimkien mal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, jiċċelebra l-ġimgħa ddedikata għan-negozji żgħar u medji jew kif inhi aħjar magħrufa, l-SME week flimkien mal-ġimgħa ddedikata għas-suq uniku.

It-tema li ġiet magħżula għal din il-Konferenza tikkomplimenta waħda mit-temi magħżula għal din il-ġimgħa – dik tal-Internazzjonalizzazzjoni. Din it-tema tittratta s-swieq lilhinn minn xtutna li għandhom jiġu esplorati biex il-prodott artiġjan Malti jsib postu fil-vetrini, fil-ħwienet, u kif ukoll fid-djar ta’ nies li jgħixu fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewrpea u għaliex le anke f’pajjiżi iżjed ’il bogħod.

Din il-konferenza toffri ftit siegħat ta’ opportunità biex aħna kollha flimkien , iġifieri l-Gvern, l-Amministrazzjoni, l-esperti u b’mod partikolari intom l-artiġjani niddiskutu u nesploraw mezzi ta’ kif għandna nimxu ’l quddiem biex inkomplu nsostnu u nsaħħu dan is-settur li huwa tant u tant importanti, kemm bħala kontributur għall-ekonomija ta’ pajjiżna, kif ukoll bħala wirt ħaj tal-kultura u l-abilitajiet tagħna l-Maltin

Iżjed tard se nkunu nfurmati u aġġornati, dwar kif l-internet jista’ jintuża bħala għodda li tiffaċilita u tiġġenera l-bejgħ. Filfatt rappreżentanti tad-Dipartiment tal-Kummerċ se jispjegaw l-importanza  tal-kummerċ elettroniku (l-e-commerce) ,kif ukoll tal-Portal il-ġdid li qed joffri d-Dipartiment stess u  li ġie mniedi ftit tax-xhur ilu. Hawnhekk irrid nieħu l-opportunità sabiex nħeġġeġ lilkom artiġjana tgħamlu użu tajjeb minn dan is-sit, li l-għan aħħari tiegħu u li jgħaqqadkom bħala settur u jippromwovikom  b’mod individwali.

Se nisimgħu ukoll dwar għodda li joffri s-Suq Intern tal-Unjoni Ewropea u li intom tistgħu tużaw meta u jekk tiġu bżonn, meta per eżempju tfittxu biex tesportaw il-prodotti taghkom. Fost dawn l-għodda nsibu s-SOLVIT li hawn Malta jitħaddem mid-Dipartiment tal-Kummerċ stess, l-European Consumer Centre kif ukoll l-assistenza u l-gwida li toffri il-MEUSAC.

Ninsab infurmat ukoll li l-Malta Enterprise se tkun qed tagħti informazzjoni dettaljata, dwar opportunitajiet li toffri sabiex wieħed jkun jista’ jesporta. Rapprezentanti tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti se jkun u wkoll qed jagħtu informazzjoni dwar kif tistgħu tibbenefikaw mill-Arts Fund. Għalhekk illum hija okkażjoni importanti, li għandha tiġi sfruttata bl-aħjar mod minnkom l-artiġjana. Taħt saqaf wieħed illum għandkom numru ta’ entitajiet li se jgħinukom u jiffaċilitawkom l-proċess sabiex tinfurmaw ruħkom dwar  l-opporuntunitajiet li jgħoddu għalikom.

Irridu nisimgħu minngħandkom l-artiġjana u hekk se nagħmlu f’din l-okkażjoni. Matul din il-konferenza se jkollkom l-opportunità li tissuġġerixxu u tikkumentaw dwar l-attivitajiet li jittellaw minn żmien għal żmien mid-Dipartiment tal-Kummerċ flimkien ma’ entitajiet oħra. B’hekk b’mod kollettiv naraw kif dawn jistaw jitjiebu b’tali mod, illi inthom tkunu tistaw tibbenefikaw aktar fis-settur.

Il-Gvern jemmen bis-sħiħ f’dan is-settur li jħaddan fih l-kultura ta’ pajjiżna, permezz ta’ prodotti artiġjana li aħna l-Maltin tant magħrufin għalihom.

Dan kollu ma nħobbux ngħiduh biss bil-kliem izda bil-fatti .Din is-sena li waslet biex tgħaddi, il-Gvern reġa’ ddedika fond konsiderevoli ta’ kważi €150,000 li qed ikun iddedikat speċifikament għas-settur tal-Artiġjanat. Dan għaliex, għandna fiduċja sħiħa fikom u rridu nesponu dan is-settur mhux biss f’pajjiżna izda anki lilhinn minn xtutna. 

Irrid nsemmi inizjattivi oħra li minnhom jista’ jibbenefika l-artiġjan, fosthom il-Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti li wasal fit-tielet edizzjoni tiegħu, u hawnhekk ippermettuli nieħu l-okkażjoni sabiex nesprimi s-sodisfazzjon tiegħi għall-interess qawwi li qed tiġġenera din il-kompetizzjoni. Filfatt ninsab infurmat li għall-edizzjoni ta’ din is-sena id-Dipartiment tal-Kummerċ irċieva madwar mitt (100) applikazzjoni. Apparti l-premjijiet u trofej attraenti li din l-inizjattiva toffri, ninsab informat ukoll li d-Dipartiment tal-Kummerċ se jtella’ għal darb’oħra esebizzjoni tal-prodotti kollha li se jkunu qed jikkompetu fil-Premju Ġieħ L-Artiġjanat Malti 2012. Permezz ta’ din l-ezebizzjoni, l-artiġjani kollha li qed jikkompetu f’din il-kompetizzjoni,  kemm dawk li se jkunu iddikjarati rebbieħa kif ukoll dawk li le, se jingħataw l-istess opportunità. Il-prodotti kollha li ġew sottomessi għall-kompetizzjoni se jkunu esebiti f’post ċentrali fejn ikunu jistgħu jiġu ammirati kemm minn Maltin, kif ukoll minn turisti li jżuru Malta f’dak iż-żmien.  Għalhekk nawguralkom għal din l-attività wkoll.

Nagħlaq billi nirringrazzja lid-Dipartiment tal-Kummerċ, li ħadem ħafna sabiex setgħat tittella’ din il-konferenza u niringrazzjah  ukoll għax-xogħol siewi li jwettaq matul is-sena kollha sabiex joffri l-aħjar għal dan is-settur. Grazzi wkoll lilkom l-artiġjana li tant għandkom għal qalbkom dan ix-xogħol. J’Alla li xogħlkom ikun ta aspirazzjoni għal dawk kollha li tassew jemmnu fl-artiġjanat sabiex jimxu fuq il-passi tagħkom. Grazzi Ħafna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  Six kilometres of new cables to continue reinforcing Birkirkara’s electricity network

PR262024en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  Sitt kilometri ta’ cables ġodda biex ikompli jissaħħaħ in-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Birkirkara

PR262024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow