IX-XOGĦLIJIET FIL-KUMPLESS SPORTIV TA’ GĦAWDEX FIL-FAŻI FINALI
Jinsabu fil-fażi finali tagħhom, ix-xogħlijiet estensivi ta’ ristrutturar u manutenzjoni li jinsabu għaddejjin fil-Kumpless sportiv ta’ Għawdex f’Victoria. Dawn ix-xogħlijiet qed jiġu kkoordinati mill-Ministeru għal Għawdex b’investiment ta’ madwar €420,000.
Ix-xogħol li sar kien jinvolvi manutenzjoni tas-saqaf tas-sala ewlenija tal-kumpless, tfassil ta’ saqaf ġdid tal-aluminju li ser ikun qed jgħatti dak eżistenti biex jilqa’ għall-elementi naturali, xogħol fuq is-sistema tal-elettriku kif ukoll fuq il-gutters li tqiegħdu fit-truf tas-saqaf.
Bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ tqegħid tas-saqaf il-ġdid kif ukoll manutenzjoni jew bdil tal-parquet, skont il-ħtieġa, fis-sala prinċipali. Qiegħed isir ukoll xogħol ta’ żebgħa fejn meħtieġ. Il-fażi li jmiss tinkludi stallazzjoni ta’ twieqi fil-ġnub tas-sala u tqegħid tal-polycarbonate transparent sheeting fuq ġenb tal-kumpless bil-għan li matul il-ġurnata jsir użu mid-dawl naturali. Huwa ppjanat li s-sena d-dieħla jsir xogħol estensiv ta’ manutenzjoni fuq il-faċċata ta’ dan il-Kumpless Sportiv.
Ir-riżultat ta’ dan ix-xogħol ser jissarraf f’titjib tal-ambjent li fih l-isportivi Għawdxin jipprattikaw id-dixxipplini rispettivi tagħhom filwaqt li ser joffri ambjenti aktar akkoljenti lit-tfal li ser ikunu qed jipparteċipaw f’edizzjoni oħra ta’ Skola Sport li tibda f’Novembru li ġej. Bħalissa fl-iskejjel kollha f’Għawdex qed issir promozzjoni dwar dan il-programm sportiv.
Sadanittant fis-27 u t-28 ta’ Ottubru, dan il-Kumpless ser ikun qed jospita seminar internazzjonali dwar it-Tenchi Ryu Karate Jutsu li ser jittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex. Għal dan is-seminar ser ikunu qed jattendu fost l-oħrajn, membri mill-Korp tal-Pulizija u mill-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll membri mill-klabbs tal-Arti Marzjali f’Malta u Għawdex.
Other Press Releases:
PR262024en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR262024