INRAWMU L-QASAM TAL-INTRAPRENDITORIJA FOST L-ISTUDENTI MALTIN U GĦAWDXIN
"Il-futur tal-intraprenditorija jitfassal fuq l-ideat, l-innovazzjoni u l-kreazzjoni tagħkom l-istudenti li se tkunu l-intraprendituri ta’ għada." Dan sostnih il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Zgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi meta kien qed jattendi għall-attivita organizzata mill-Uffiċju tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta flimkien mal-Young Enterprise, bhala parti mill-attivitajiet li jiċċelebraw il-ġimgħa ddedikata għan-negozji żgħar u medji.
Mal-75 student minn diversi skejjel tal-Form 1, ipparteċipaw għal din l-attivita fejn apparti diversi workshops li fihom l-istudenti setgħu jiffokaw fuq is-settur tal-intraprenditorija, fejn kellhom l-opportunita li jitgħallmu u jaħdmu huma stess fuq kif tiftaħ negozju u kif tmexxih, kif tqassam l-flus u kif timplimenta pjan ta’ riklamar għall-kumpanija, l-istudenti kellhom ukoll l-opportunita li jisimgħu stejjer ta’ suċċess minn negozjanti Maltin li rnexxew fin-negozju tagħhom. L-għan tal-attivita li saret llum, kienet primarjament li tesponi lill-istudenti għad-dinja tal-intrapriża, sabiex jitrawwem fihom is-sens ta’ negozju.
Il-Ministru Azzopardi saħaq li l-ideat u l-enerġija tal-istudenti huma l-muturi ekonomiċi ta’ pajjiżna ta’għada. Huwa qal li l-Gvern jimpenja ruħu dejjem sabiex joffri l-aħjar għodda lill-istudenti li jixtiequ jkomplu jfasslu l-futur tagħhom f’dan is-settur. Il-Ministru rringrazzja lill- Young Enterprise għax-xoghol siewi li qed tagħmel, li aktar ma jmur aktar qed toħloq programmi u inċentivi ddedikati għal dan is-settur, fejn l-istudenti u ż-żgħażagħ ikollhom l-opportunita li jmissu b’idejhom esperjenzi ta’ suċċess li jitgħallmu minnhom u jgħinuhom sabiex huma stess joħorġu b’ideat innovativi u ġodda. Huwa qal li l-impenn tal-Young Enterprise jissarraf fl-iżvilupp tal-imprendituri ta’ ghada. Saħaq li llum Young Enterprise topera minn uffiċju f’Tas-Sliema, liema uffiċju inghata lilhom mill-Gvern preżenti sabiex b’hekk ikollhom post minn fejn jistgħu joperaw u jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom bl-aħjar mod possibli.Dan sar għaliex l-Gvern jemmen bis-sħiħ fl-importanza ta’ dawn l-organizazzjonijiet.
Il-Ministru Azzopardi qal li l-Gvern huwa kommess li jsaħħaħ dan il-qasam fost l-istudenti u dan qed jaghmlu fost l-oħrajn permezz tal-iskema Entrepreneurship through Education li hija skema li giet mnedija fil- Budget tal- 2011, fejn gew allokati €100,000 għal kull sena għad-dispożizzjoni tal-iskejjel Pubbliċi, Privati u tal-Knisja sabiex dawn joħolqu proġetti u inizjattivi dwar l-Intraprenditorija, fejn minnhom it-tfal jitgħallmu iżjed dwar id-dinja tan-negozju. Din is-sena kien hemm 41 applikazzjoni li minnhom ġew approvati 29 proġett f’16-il kullegg . L-ammont totali ta fondi li ġew allokati ghal din is-sena huwa ta’ €77,108.76c. Permezz tal-iskema Entrepreneurship through Education il-Gvern qed iħares li jkompli jinvesti fil-qasam imprenditorjali, biex iżjed studenti u żgħażagħ jitgħallmu u jiksbu l-ħiliet neċessarji.. Konxju minn dan kollu, l-Gvern dejjem emmen fl-importanza tas-settur tal-edukazzjoni li hija ċ-ċavetta tal-iżvilupp ta’ kull bniedem u li tirrifletti numru kbir ta’ opportunitajiet kemm fid-dinja tax-xogħol kif ukoll ghal min ikompli l-istudji tiegħu.
Fl-aħħarnett il-Ministru Azzopardi saħaq li din l-attivita għandha sservi sabiex aktar studenti jitgħallmu dwar is-settur tan-negozju, li tant huwa mportanti għaliex huwa l-mutur u s-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262024en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR262024