Left arrow Go Back

TIBDA S-SENA AKKADEMIKA GĦAL MADWAR 20,000 STUDENT FL-EDUKAZZJONI OGĦLA

pr2133
Date Icon 01/10/2012

- 626 student jibdew wieħed mill-20 kors offrut mill-ITS, 468 minnhom studenti ġodda

- Investiment ta’ €1.7 miljun fl-ITS din is-sena filwaqt li għaddejjin il-preparamenti għal Kampus ġdid għall-ITS

- Jibda kors ġdid fl-ITS għal studenti b’diżabilità

- 83% tal-istudenti jkomplu jistudjaw wara l-Form 5

- 18,800 Student fl-Edukazzjoni Ogħla se jkunu qed jirċievu madwar €23miljun fi stipendji

“L-Edukazzjoni u t-Taħriġ huma ċ-ċavetta għal aktar opportunatijiet u xogħol aħjar għaż-żgħażagħ tagħna.” Dan qalu l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta dalgħodu fetaħ is-sena akkademika ġdida fl-Istituzzjoni għall-Istudji Turistiċi (ITS).  Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm l-468 student ġdid li minn din is-sena se jkunu qed jibdew wieħed mill-20 kors offrut mill-ITS fosthom b’korsijiet fil-livell ta’ diploma u Higher National Diploma. L-ITS illum tilqa’ fi ħdanha mas-626 student full-time li magħhom għad iridu jiżdiedu l-istudenti part-time li se jibdew f’Novembru.

L-Onor Puli saħaq li s-suċċess li nattiraw ammonti rekord ta’ turisti lejn pajjiżna sena wara sena, huwa frott ta’ politika għaqlija u l-prodott li kapaċi noffru, fosthom ħaddiema kapaċi u mħarrġin tajjeb. F’dan il-kuntest il-Gvern jirrikonoxxi li l-ITS għandu rwol importanti x’jaqdi għall-ekonomija, l-industrija tat-turiżmu li tikkontribwixxi mal-25% tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż u fil-ħolqien ta’ xogħol aħjar. Għal dan il-għan il-Gvern qiegħed ikompli jinvesti fl-ITS biex joffri l-opportunità lil aktar żgħażagħ itejbu l-ħiliet  u l-impjegabilità tagħhom. Fil-fatt din is-sena l-Gvern ivvota €1,730,000 fl-edukazzjoni ta’ uliedna fl-ITS. Puli tenna li din is-sena mhux biss se jiżdied in-numru ta’ studenti iżda se jiżdiedu 22 lecturer (9 full-time u 13 part-time) u 2 full-time LSAs.

Is-Segretarju Parlamentari fakkar li f’Mejju li għadda kien tħabbar li l-Gvern beda’ bl-ewwel tħejjijiet biex l-Istitut għall-Istudji Turistiċi jiżviluppa kampus ġdid li jilqa’ għall-isfidi ġodda li għandu quddiemu dan is-settur. Fil-fatt bħalissa l-ITS għaddej bil-Pre-Application Phase mal-MEPA. Huwa fakkar ukoll li matul din il-leġiżlatura l-Gvern laħaq milja oħra fil-qasam tal-istudji turisitiċi billi saru regolamenti taħt l-Att dwar l-Edukazzjoni sabiex l-ITS issir entità legali li tista’ tikber u tiffunzjona b’mod awtonomu. Dan hu pass importanti ’l quddiem li juri l-fiduċja li tgawdi din l-istituzzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari saħaq li pajjiżna qiegħed jikseb suċċess fiż-żieda ta’ studenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw wara li jtemmu l-iskola sekondarja, bir-rata titla minn 43% fl-1998 għal 83% is-sena li għaddiet. Huwa qal li l-ITS huwa kontributur ewlieni għal dan s-suċċess. Fil-fatt fis-sena skolastika li bdiet fl-2011 kien hemm żieda qawwija ta’ 30% fin-numru ta’ studenti li bdew kors l-ITS fl-2010, filwaqt li din is-sena erġajna issuperajna dan ir-rekord. Is-Segretarju Parlamentari fakkar li l-Istudenti tal-ITS, flimkien ma’ dawk fl-MCAST u l-Università huma fost it-18,800 student li qed jieħdu mat-€23 miljun fi stipendji bejniethom. L-istudenti l-ġodda li jidħlu fil-livell Post Sekondarju, ikunu iridu jagħmlu s-Smart Card li permezz tagħha jkunu jistgħu jixtru materjal edukattiv minn 550 ħanut.

Puli qal li l-politika tal-Gvern hi li joħloq aktar xogħol, xogħol aħjar u b’pagi tajbin.  Għalhekk il-Gvern qed jinvesti fl-istudenti biex jiksbu aktar ħiliet ġodda ħalli jkunu jistgħu itejbu l-pożizzjoni tagħhom għal ġid tagħhom u tal-familji tagħhom. Huwa saħaq li f’dawn l-4 snin il-Gvern ħoloq 20,000 impjieg u l-impenn tal-Gvern hu li jkompli jattira l-invesitment biex joħloq aktar impjiegi.

L-ITS ikollha wkoll numru ta’ studenti li japplikaw għall-korsijiet part-time, u għal din is-sena fil-prospectus tal-Part Time Courses li se joħroġ f’Novembru li ġej hemm sensiela ta’ korsijiet innovattivi fosthom dwar il-Kċina Asjatika, Dekorazzjoni tal-Kejkijiet, Barista Courses u Chocolate making.

Is-Segretarju Parlamentari tenna li minn din is-sena se jkun qed jibda kors ġdid full-time fl-ITS għal studenti b’diżabilità. Dan il-kors huwa intiż għal studenti b’diżabilità li jixtiequ jitħarrġu biex ikunu finanzjarjament indipendenti. Dan il-kors jintroduċi lill-istudenti għall-kompetenzi bażiċi fis-settur, bħal food & beverage u house keeping operations. Dan il-kors għandu wkoll l-għan li jagħtihom aktar indipendenza f’ħajjithom.

Finalment l-Onorevoli Puli awgura kull suċċess lil madwar 20,000 student li llum bdew is-sena akkademika fl-istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni ogħla.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll Claire Zammit Xuereb, Chairperson tal-ITS u Adrian Mamo, Direttur Eżekuttiv tal-ITS.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

More Press Releases Right arrow