STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela
Delegazzjoni tal-Mediterranean Tourism Foundation (MTF), immexxija mill-President tagħha u tal-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA), is-Sur Tony Zahra, flimkien mas-Sur Andrew Agius Muscat, iltaqgħet mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela, bħala parti mill-impenji istituzzjonali marbuta mal-11-il edizzjoni tal-Mediterranean Tourism Forum 2026. Għal-laqgħa kienu preżenti numru ta’ Senaturi tal-MTF li huma personalitajiet distinti minn diversi pajjiżi u oqsma professjonali, fosthom it-turiżmu, l-akkademja, il-politika pubblika, in-negozju, il-kultura u l-iżvilupp internazzjonali.
Matul il-laqgħa ġiet diskussa l-importanza tat-turiżmu bħala għodda għall-kollaborazzjoni internazzjonali, id-djalogu kulturali, l-iżvilupp sostenibbli u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi Mediterranji u lil hinn minnhom.
L-Ispeaker Carmelo Abela tkellem dwar l-importanza tal-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun ħalli b’hekk it-turiżmu fil-Mediterran kollu jkompli jikber. Huwa kkalkulat li madwar terz tat-turiżmu dinji jżur il-Mediterran. Huwa kompla billi qal li huwa meħtieġ li nħarsu lejn il-baħar Mediterran bħala baħar li jgħaqqad u mhux jifred. Carmelo Abela saħaq li t-turiżmu huwa wieħed mill-istrumenti l-aktar b’saħħithom biex ilaqqa’ lin-nies u l-kulturi. Filwaqt li l-pajjiżi tal-Mediterran qed jikkompetu biex jattiraw turisti lejn il-pajjiżi rispettivi, iżda fl-istess ħin huwa meħtieġ li naħdmu u nikkoperaw flimkien, inkluż ħalli nżommu l-istabbiltà meħtieġa u li nibnu viżjoni komuni.
Id-delegazzjoni ppreżentat ukoll il-ħidma u l-viżjoni tal-Mediterranean Tourism Foundation, organizzazzjoni mwaqqfa f’Malta fuq inizjattiva tal-MHRA, li għandha l-għan li toħloq pjattaforma internazzjonali għall-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ għarfien u l-promozzjoni tat-turiżmu bħala mezz għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-ftehim bejn il-popli u l-paċi. Din il-viżjoni tmur lil hinn mill-industrija tal-lukandi u r-ristoranti u tinkludi l-wirt storiku, il-kultura, il-gastronomija, l-investiment, l-innovazzjoni u, fuq kollox, il-benesseri tal-komunitajiet.
Il-President tal-MTF u tal-MHRA, is-Sur Tony Zahra, saħaq dwar l-importanza li Malta tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala pjattaforma internazzjonali għad-djalogu u l-kooperazzjoni Mediterranja, filwaqt li rrikonoxxa l-importanza tal-istituzzjonijiet nazzjonali fil-promozzjoni ta’ inizjattivi li jgħaqqdu l-kultura, it-turiżmu u l-iżvilupp sostenibbli. L-impenn tal-Mediterranean Tourism Foundation hu li tkompli tibni pontijiet bejn l-istituzzjonijiet, il-komunitajiet u l-pajjiżi, filwaqt li tpoġġi lil Malta fiċ-ċentru ta’ diskussjoni internazzjonali dwar futur tat-turiżmu aktar responsabbli, inklużiv u sostenibbli.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262020en