DISKUSSJONI MAR-RAPPREŻENTANT PERMANENTI TA’ MALTA GĦALL-UNJONI EWROPEA FIL-CORE GROUP TAL-MEUSAC
Diskussa wkoll l-Unjoni Bankarja
Ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE, l-Ambaxxatriċi Marlene Bonnici, illum indirizzat lill-membri tal-Core Group tal-MEUSAC. Ir-Rappreżentant Permanenti għall-UE hi ex officio membru tal-Core Group udin kienet l-ewwel darba li s-Sinjura Bonnici pparteċipat fil-Core Group wara l-ħatra tagħha bħala Rappreżentanta Permanenti għall-UE f’Lulju li għadda.
Fl-intervent tagħha, is-Sinjura Bonnici qalet li l-kuntatt tagħha mal-MEUSAC beda sa minn qabel is-sħubija ta’ Malta fl-UE waqt in-negozjati għas-sħubija, fejn hi tat is-sehem tagħha, b’mod partikolari fil-konsultazzjonijiet li kienu jsiru mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili dwar il-politika reġjonali. Qalet ukoll li llum il-MEUSAC għandu rwol importanti li jinforma u jfiehem lin-nies dwar l-UE u li jiffaċilita proċess ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili; proċess li jgħin biex ikollna parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet li jkun se jieħu l-Gvern dwar proposti leġiżlattivi fil-Kunsill tal-UE. “Dawn huma rwoli importanti ħafna, għaliex illum l-UE tidħol f’kull aspett tal-ħajja tan-nies; rwoli li jagħtu leħen lil dawk li ma għandhomx il-faċilità li jsemmgħu leħinhom direttament fit-teħid tad-deċiżjonijiet”, qalet is-Sinjura Bonnici.
Ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE tat ukoll aġġornament dwar is-suġġetti li huma l-iktar topiċi bħalissa fid-diskussjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-UE, fosthom il-European Semester, il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (2014-2020) u l-Unjoni Bankarja.
Dwar din tal-aħħar, fl-istess laqgħa, il-Professur Joe Bannister, Chairman tal-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), aġġorna lill-membri dwar il-proposti leġiżlattivi għal iktar sorveljanza tal-banek fl-UE. Il-membri preżenti setgħu jressqu l-veduti tagħhom dwar kif dawn il-proposti jistgħu jaffettwaw lil Malta, fosthom l-importanza li fid-diskussjonijiet fil-Kunsill tal-UE tittieħed pożizzjoni ċara li tagħti attenzjoni liċ-ċokon ta’ Malta u li m’għandux ikun hemm attitudni ta’ one size fits all fis-sorveljanza tal-banek fl-UE.
Dan il-punt issemma wkoll mis-Sinjura Bonnici meta rreferiet għall-ħidma li ssir mill-uffiċjali tal-Gvern u mir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell biex il-pożizzjonijiet li tieħu Malta fil-Kunsill tal-UE jkunu msaħħa b’argumenti sodi u jingħataw l-appoġġ ta’ rappreżentanti ta’ Stati Membri oħra.
Il-Kap tal-MEUSAC, Vanni Xuereb qal li huwa importanti li l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili jaħtfu l-opportunitajiet u l-għodda li joffrilhom il-Gvern permezz tal-MEUSAC biex isemmgħu leħinhom, kemm fl-istrutturi ta’ konsultazzjoni lokali u kif ukoll fuq livell Ewropew.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, Dott. Chris Said, li mexxa l-laqgħa, irringrazzja lis-Sinjura Bonnici għall-ħidma tagħha u enfasizza li filwaqt li s-sottomissjonijiet u r-rappreżentazzjonijiet li jsiru fuq livell Ewropew, kemm mill-Gvern u kemm mir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, huma għodda importanti, permezz tagħhom qegħdin jinkisbu riżultati pożittivi ta’ benefiċċju kbir għall-iżvilupp ta’ pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021