SOSTENN QAWWI GĦALL-INIZJATTIVA TAL-GVERN SABIEX TIĠI DISKUSSA L-POSSIBILTA’ LI JINFETAĦ BANK KOPERATTIV F’PAJJIŻNA
Attendenza kbira minn diversi koperattivi Maltin għal seminar li ġie organizzat mill-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur jixhed l-interess li dan is-seminar ġab fost il-koperattivi Maltin kif ukoll minn diversi mezzi tax-xandir madwar l-Italja. Is-seminar laqqa’ flimkien diversi esponenti, esperti Maltin u barranin li qassmu l-esperjenzi tagħhom f’dan is-settur ma’ dawk preżenti.
Il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi li ħa l-inizjattiva li jiġi organizzat dan is-seminar, qal li dan l-avveniment għandu jservi sabiex in-nies jagħrfu aħjar l-kontribuzzjoni ekonomika u soċjali li l-koperattivi jagħtu madwar id-dinja.
Dan jawgura li l-ispirtu koperattiv jikber kif ukoll jiġu ffurmati aktar koperattivi. Huwa qal li fid-dinja hawn 200,000 banek koperattivi mqassmin f’mitt pajjiż. Il-Ministru Azzopardi qal li l-Gvern se jkun qed jemenda l-liġi b’mod li jippermetti t-twaqqif ta’ bank koperattiv, mingħajr ma jkun qed jimponi dan. Din, saħaq Il-Ministru Azzopardi, għandha tkun inizjattiva u ftehim kollettiv li ssir bejn il-koperattivi bejniethom. Huwa qal li Bank Koperattiv ikun qed iressaq flimkien kemm l-koperattivi kif ukoll lin-negozji ż-żgħar sabiex jiffaċilitalhom l-aċċess għall-kreditu. Dawn flimkien ikabbru u jsaħħu l-ekonomija, jżidu xogħol ta’ kwalita u joħolqu aktar impjiegi.
Dott.Giovanni De Censi mill-Grupp Bancario Credito Valtellinese kif ukoll is-Sur Bernard Huberdau, Segretarju Ġenerali tal-Konfederazzjoni tal-Banek Popolari qassmu l-esperjenzi tagħhom u spjegaw is-suċċessi li diversi banek koperattivi qed jaghmlu madwar id-dinja fosthom l-Italja, Franza, Ġermanja, Finlandja u l-Olanda.
Huma qalu li għalkemm id-dinja għaddiet minn riċessjoni sħiħa, l-banek koperattivi ma ġewx affetwati minn tali riċessjoni iżda baqgħu b’saħħithom. Huma spjegaw li l-missjoni ta’ bank koperattiv hija primarjament li tippromwovi l-interess ekonomiku fost il-membri tagħha kif ukoll li toħloq integrazzjoni soċjali u ekonomika għall-individwi. Huma saħqu li banek koperattivi jiriflettu d-dinjita, l-awtonomija u l-indipendenza tal-ħaddiem, joħloq ko-operazzjoni assoluta bejn diversi koperattivi, kif ukoll jiżvilupp relazzjoni b’saħħitha man-negozji ż-żgħar u medji li jissellfu mill-banek koperattivi.
Il-Professur Stefano Zamagni, esponent u espert tal-ekonomija socjali li tinkludi l-koperattivi kif ukoll Professur tal-Ekonomija fl-Universita ta’ Bologna, saħaq li t-twaqqif ta’ bank koperattiv ikun ifisser miżura favur is-solidarjeta’ kif ukoll serħan il-moħħ għall-membri tal-koperattivi. Huwa qal li jagħmel ħafna sens għall-kwalunkwe koperattiva li jkollha bank koperattiv. Dan ikun ifisser aktar inklussivita’, effiċjenza u solidarjeta’ fost il-membri.
Preżenti għal dan is-Seminar kien hemm ukoll il-Ministru għall-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, Tonio Fenech li saħaq li jekk Malta jkollha l-opportunita’ li tiftah Bank Koperattiv, dan jista’ jirriżulta fil-kontribuzzjoni ta’ diversifikazzjoni fis-settur bankarju li jkun ifisser żvilupp pożittiv għal dan is-settur. Huwa spjega kif l-intrapriżi żgħar u medji jistgħu jkunu fost il-benefiċjarji ewlenin ta’ bank kooperativ. Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Professur Josef Bonnici qal li l-karatteristiċi ta’ banek koperattivi jiddistingwu ruħhom minn banek oħrajn għaliex fir-realta’, il-banek koperattivi huma mmexxija mill-membri tagħhom stess. B’hekk il-membri jkunu kemm sidien kif ukoll klijenti tal-banek tagħhom. Il-Professur Bonnici saħaq li l-banek koperattivi huma nvoluti fl-iżvilupp lokali u jikkontribwixxu fl-iżvilupp sostenibbli tal-komunitajiet tagħhom stess.
Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi wera s-sodisfazzjon tiegħu ghall-andament ta’ kif żviluppa s-seminar, li rriżulta f’diversi esperjenzi pożittivi minn diversi esperti f’dan il-qasam kif ukoll fil-parteċipazzjoni ta’ membri minn diversi koperattivi.
Huwa qal li statistikament l-ebda Gvern m’għamel daqshekk inizjattivi, skemi u proġetti għan-negozji ż-żgħar f’dawn l-erba snin daqs kemm għamel il-Gvern preżenti li ħoloq 20,000 impjieg u żied il-paga minima b’1,000 ewro. Huwa appella lill-koperattivi sabiex jikkunsidraw serjament il-proposta li jinfetaħ bank koperattiv f’pajjiżna għaliex dan ikun fl-interess ta’ kulħadd, partikolarment għall-koperattivi u n-negozji, li flimkien joħolqu klima ekonomiku b’saħħtu u ħolqien ta’ aktar impjiegi.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021