Left arrow Go Back

SKOLA ĠDIDA KULL SENA B’FAĊILITAJIET EDUKATTIVI TAL-OGĦLA KWALITÀ INKLUŻ DAWK SPORTIVI

pr2102
Date Icon 27/09/2012

- €33 miljun għall-bini ta’ skejjel ġodda mill-2008 l’hawn

- €7 miljun għal bini ta’ faċilitajiet sportivi fl-iskejjel

- Jibda’ l-proċess mal-MEPA biex jinbena Kumpless Sportiv ġdid biswit il-Kulleġġ Sant Injazju  

Mill-2008 l’hawn il-Gvern investa €33 miljun għall-bini ta’ skejjel ġodda mgħammra bl-aqwa teknoloġija u faċilitajiet edukattivi. F’dawn l-iskejjel il-Gvern investa €7 miljun fil-faċilitajiet sportivi tagħhom u qiegħed fil-proċess li jinvesti €3.5 miljun oħra fil-bini ta’ kumpless sportiv indoor għall-Kulleġġ Sant’ Injazju. Dan għaliex l-impenn tagħna huwa li nipprovdu edukazzjoni ħolisitka biex uliedna jirnexxu lkoll. Dan sostnieh l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta dalgħodu żar l-iskola Sekondarja tas-Subien f’Tal-Ħandaq, Kulleġġ Sant’ Injazju.

Is-Segretarju Parlamentari qal li llum l-iskejjel huma attrezzati b’numru ta’ faċilitajiet li jgħinu fl-iżvilupp akkademiku, fiżiku u soċjali tal-istudent fosthom technology workshops, laboratorji tax-xjenza, laboratorji tal-informatika, klassjiet għat-tagħlim tal-arti, laboratorji għat-tagħlim tal-home economics u faċilitajiet sportivi ta’ kwalità għolja. Dan għaliex l-isport u l-edukazzjoni llum huma tassew ikkunsidrati bħala parti minn edukazzjoni ħolistika. 

Is-Segretarju Parlamentari spjega kif il-viżjoni tal-Gvern hija dik li l-iskejjel ikunu wkoll ċentri tal-komunità u għal dan il-għan il-faċilitajiet tagħhom qegħdin jintużaw ukoll mill-istess komunità wara l-ħin tal-iskola. Huwa qal li b’dan il-mod il-faċilitajiet sportivi qed ixettlu sens ta’ kultura sportiva u healthy lifestyle fost it-tfal sa minn eta’ żgħira filwaqt li jagħtu ċans lill-adulti u lill-għaqdiet sportivi jagħmlu użu minn faċilitajiet tal-ogħla kwalità.

Bħalissa hawn  41 għaqda sportiva li qed jagħmlu użu minn faċilitajiet fi 18-il skola u madwar 1,400 membru fil-Walking & Jogging Club tal-KMS li qed jużaw it-trakka ta’ 3 kulleġġi tal-istat. L-Onor. Puli qal li dawn il-kulleġġi huma l-Kulleġġ Sant’ Injazju, il-Kulleġġ San Benedittu, u l-Kulleġġ Maria Reġina filwaqt li ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qed jiftaħ ir-raba’ ċentru fil-Kulleġġ Santa Margerita.

Waqt iż-żjara tiegħu fl-iskola sekondarja tas-subien f’tal-Ħandaq is-Segretarju Parlamentari qal li din l-iskola għandha 5 laboratorji tal-komputers, 6 laboratorji tad-disinn u t-tekonloġija, 3 studios tal-arti, 9 laboratorji tax-xjenza, żewġ laboratorji tal-Home Economics, kif ukoll grawnd bit-turf sintetiku u trakka tal-atletika. Huwa ħabbar li bħalissa għaddej ix-xogħol biex nissan huts storiċi biswit l-iskola jiġu kkonvertiti f’3 indoor gyms. Ħabbar wkoll li bħalissa għaddejjin il-preparamenti biex jinfetaħ Kumpless Sportiv ġdid biswit dawn iż-żewġ skejjel sekondarji. Huwa qal li l-Fondazzjoni għall-iSkejjel t’Għada (FTS) diġà ssottomettiet il-pjanti ta’ dan il-kumpless lill-MEPA u meta joħroġ il-permess se jkun qed jinbena dan il-kumpless li mistenni li jkun kbir daqs il-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop. Puli ħabbar ukoll li l-Gvern mistenni li jagħmel ukoll shallow pool f’dan il-kulleġġ biex ikun jista’ jakkomoda taħriġ fl-għawm.

Preżenti għal din l-attività kien hemm il-Kap tal-Iskola, Alexandra Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-FTS, Charles Farrugia.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

More Press Releases Right arrow