DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, MINISTRU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA FIL-KONKLUŻJONI TAL-PROĠETT 'CLOSER TO EUROPE' - 27 TA' SETTEMBRU 2012
Sinjuri,
Kienet opportunita' kbira għall-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali - l-MCESD - meta bl-għajnuna tal-MEUSAC fl-2009 kiseb fondi Ewropej, mill-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jibda dan il-proġett bl-isem ta' 'Closer to Europe'.
L-għan aħħari ta' dan il-proġett, li beda fi Frar tal-2010, kien li jinkoraġġixxi aktar djalogu soċjali f'pajjiżna billi jipprovdi informazzjoni aġġornata fuq is-setturi soċjo-ekonomiċi u dawk relatati mal-Unjoni Ewropea, u li din il-ħidma tasal ukoll għand il-pubbliku.
Bla dubju li l-proġett 'Closer to Europe' għen biex id-djalogu pubbliku f’pajjiżna jissaħħaħ, kif ukoll wassal biex Malta tikkontribwixxi fl-istruttura tad-djalogu pubbliku fl-Unjoni Ewropea. L-objettiv tal-proġett kien li t-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali jiġu kkonsolidati. Dan sar permezz tat-tliet taqsimiet li fihom kien imqassam dan il-proġett, jiġifieri, r-riċerka, it-taħriġ u l-kampanja ta' għarfien lill-pubbliku.
Il-proġett ‘Closer to Europe’ għen lill-imsieħba soċjali u lill-għaqdiet fis-soċjeta' ċivili ikabbru l-għarfien tagħhom dwar l-Unjoni Ewropea u dwar l-istrateġija EU 2020. Fit-twettiq ta' din l-istrateġija, li tkopri aspetti differenti tas-soċjeta', id-djalogu pubbliku għandu rwol importanti ħafna.
Il-konklużjonijiet tal-proġett huma nkoraġġanti għaliex l-istudju li sar jikkonferma kif il-Maltin iridu li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fid-djalogu pubbliku. Għaliex b'din il-parteċipazzjoni qed tkompli tasal il-vuċi tagħhom meta jridu jittieħdu d-deċiżjonijiet 'l aktar importanti.
Is-soċjeta’ ċivili fehmet l-importanza tal-proġett ‘Closer to Europe’ tant li l-parteċipazzjoni kienet b’saħħitha ħafna. Għas-sessjonijiet ta' taħriġ li saru attendew 240 parteċipant. Ħafna minnhom attendew għal aktar minn sessjoni waħda. B'kollox saru 12-il sessjoni fejn saru diskussjonijiet li wasslu għal għarfien aħjar tal-iżviluppi fil-qasam tad-diskussjoni pubblika u soċjali fl-Unjoni Ewropea.
Saret ukoll kampanja ta' għarfien tax-xogħol fi ħdan il-MCESD, li għenet fit-tisħiħ tad-djalogu. Din il-kampanja kienet waħda mifruxa f'aspetti differenti tal-komunikazzjoni u laħqet setturi differenti tas-soċjeta' u għenet biex il-pubbliku jinforma ruħu aħjar fuq kif jopera l-Kunsill u r-rwol importanti li dan għandu fid-djalogu pubbliku. Jirriżulta li l-għan intlaħaq hawnhekk ukoll għaliex żdied in-numru tal-persuni li żaru s-sit elettroniku tal-MCESD, biex jiksbu għarfien akbar u aħjar tar-rwol importanti li dan għandu fis-soċjeta’ tagħna.
L-MCESD huwa Kunsill li jaġħti l-pariri u għandu rwol konsultattiv. Fis-snin li għaddew għen mhux ftit biex jitjieb id-djalogu u jkun involut fid-diskussjonijiet dwar affarijiet importanti li jkunu qed jiġru fil-pajjiz u għalhekk ukoll il-Gvern jikkonsulta miegħu regolarment.
L-MCESD issa ilu mwaqqaf 19-il sena u l-Liġi tal-MCESD ilha li għaddiet 10 snin. Sa' minn meta twaqqaf, dan il-Kunsill ħadem biex saru bidliet kbar u importanti f'pajjiżna, liema tibdil dejjem sar bi qbil – b’kunsens - bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali.
F’Mejju li għadda ressaqna fil-Parlament abbozz ta' liġi li emenda l-liġi tal-MCESD. Permezz ta’ dawn l-emendi il-FORUM Unions Maltin, rappreżentanza tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex u tal-Kumitat tas-Soċjeta' Ċivili, issieħbu fi ħdan il-Kunsill tal-MCESD.
B'dawn ir-riformi, l-MCESD kontinwament jaħdem biex ikun l-ikbar katalist effettiv bejn l-imsieħba soċjali. L-għan aħħari hu dak li wara konsultazzjonijiet li jsiru fi ħdan il-Kunsill, jingħataw rakkomandazzjonijiet sodi u konkreti dwar materji soċjo-ekonomiċi lill-Gvern qabel isiru riformi jew jittieħdu miżuri ta' rilevanza nazzjonali.
Din il-konsultazzjoni ssir b'laqgħat fejn l-għan ikun li jiġu mfassla deċiżjonijiet dwar aspetti tal-iggvernar ekonomiku u tax-xogħol fuq livell nazzjonali, fl-aħjar interess tal-ħaddiema u tal-industrija f'pajjiżna. L-MCESD qed jgħin ukoll biex ikollna klima industrijali kwieta u b'hekk tissaħħaħ fl-aħjar interess tal-ħaddiema u l-familji tagħhom. Din il-klima qed tgħin biex ikompli jiżdied l-investiment kbir fil-qasam tax-xogħol għall-ġid tal-ħaddiema.
Li d-djalogu mal-imsieħba soċjali f’pajjiżna huwa b’saħħtu ħafna deher biċ-ċar fil-kuntest tal-kriżi ekonomika internazzjonali. Meta fl-2008 pajjiżna kien se jibda jħoss l-iskossi tal-kriżi internazzjonali, il-Gvern u l-imsieħba soċjali ħadmu bis-sħiħ flimkien biex ġew salvati 5,000 post tax-xogħol. B’hekk salvajna l-futur ta’ 5,000 familja. Barra minn hekk matul dawn l-aħħar 4 snin ħloqna 20,000 post tax-xogħol ġdid. Il-Gvern għamel il-parti tiegħu biex dan kien possibbli, iżda żgur li anki l-imsieħba soċjali għandhom il-mertu tagħhom għall-klima industrijali li bejniethom irnexxilhom joħolqu u jżommu.
Gvern u imsieħba soċjali, ilkoll flimkien, fhimna li spiċċa ż-żmien tat-tisbit fuq il-mejda u l-għebusija tar-ras. Dak iż-żmien għadda u mar u nittamaw li ma jerġax jitfaċċa. Illum jiddomina l-ispirtu tal-konsultazzjoni u tad-djalogu, biex kemm il-partijiet ċivili li jirrappreżentaw partijiet differenti tas-soċjeta' kif ukoll il-pubbliku jkun parteċipi u wieħed jifhem id-diffikultajiet li l-ieħor ikun qed jgħaddi minnhom. Dan hu l-proċess demokratiku, li f’pajjiżna qed ikompli jilħaq il-maturita' tiegħu.
Mir-riżultati tar-riċerka, li saret bħala parti mill-proġett 'Closer to Europe', jirriżulta li l-Maltin jgħożżu u jħaddnu sew id-demokrazija u l-pubbliku jridu u qed ikompli jaspiraw li din tkompli tiġi mplimentata fl-aspetti kollha tagħha u fil-livelli kollha tas-soċjeta' fejn tinkluwenza l-ħajja tagħna ta' kuljum.
Il-Gvern ukoll jemmen bis-sħiħ li d-djalogu huwa proċess demokratiku u għalhekk ser ikompli jaħdem biex dan jissaħħaħ. Bla dubju, filwaqt li d-djalogu pubbliku f'Malta hu wieħed b'saħħtu dejjem jibqgħu numru ta' sfidi ġodda li għandhom mill-banda l-oħra jissarrfu f'opportunitajiet ġodda.
Hawnhekk irrid nirringrazzja lill-MCESD u r-rappreżentanti kollha fi ħdan dan il-Kunsill u li qed jagħtu kontribut ferm importanti lis-soċjeta' Maltija. Ħajr ukoll liċ-Ċermen Dr Sonny Portelli, lis-Segretarju Eżekuttiv Sylvia Gauci, lill-project leader Adriana Chircop u l-istaff kollhu. Nirringrazzja wkoll lill-MEUSAC, li għenet lill-MCESD biex inkisbu fondi Ewropej għal dan il-proġett.
'Closer to Europe' hija storja ta' suċċess li ħalliet elementi pożittivi għat-tisħiħ tad-djalogu pubbliku u fetħet ukoll opportunitajiet ġodda biex l-MCESD jibda jibbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021