STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
Malta toġġezzjona li sajjieda Ewropej ipattu għal sajd żejjed minn pajjiż terzi - Il-Gvern jappella għal għodda ta’ intervent fis-suq li jgħinu lill-bdiewa Maltin
Waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Biedja u Sajd, li ġiet fi tmiemha il-bieraħ fi Brussell, Malta reġgħet oġġezzjonat li sajjieda Ewropej jiġu mġiegħla jnaqqsu l-qabdiet tagħhom ħalli jagħmlu tajjeb għall-qbid abbużiv minn sajjieda ta’ pajjiżi terzi u appellat għal trattament ugwali ma’ sajjieda ta’ dawn il-pajjiżi biex ikun garantit futur lis-sajjieda Ewropej u fl-istess ħin riżultati tajbin ta’ l-isforzi ta’ konservazzjoni.
Malta oġġezzjonat ukoll għal proposta tal-Kummissjoni Ewropea (KE) dwar kif l-Unjoni għandha tintervjeni fis-swieq ta’ prodotti agrikoli għaliex il-miżuri proposti ma jgħinux lill-bdiewa Maltin jaffrontaw il-prezzijiet għolja fis-suq tal-ġwież.
Trattament ugwali ma’ sajjieda minn pajjiżi terzi
Waqt diskussjoni fuq il-qbid tal-kavalli fl-ibħra tat-tramuntana, Malta esprimiet it-tħassib qawwi tagħha dwar il-mod kif żvolġew in-negozjati ma’ pajjiżi terzi hekk kif jidher li l-Istati Membri tal-UE interessati se jaraw il-kwoti tagħhom jitnaqqsu biex jikkompensaw għall-azzjonijiet unilaterali ta’ pajjiżi terzi.
Malta spjegat li, agħar min hekk, it-test eżistenti tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (CFP), li l-Approċċ Ġenerali dwarha kien maqbul f’Ġunju li għaddha minkejja l-oppożizzjoni ta’ Malta u xi pajjiżi oħra, jiggarantixxi lill-pajjiżi terzi li l-Unjoni se tkun legalment obbligata li tikkompensa bi tnaqqas fuq bażi annwali tal-kwota tagħha, kull ammont ta’ kwota li pajjizi terzi jissuperaw b’mod unilaterali min-naħa tagħhom. Malta insistiet li jeħtieġ li l-UE għandha tieħu “azzjoni konkreta u kuraġġjuża” b’mod li jkun garantit trattament “ugwali mal-pajjiżi terzi biex ikun garantit futur lis-sajjieda” waqt li l-Unjoni “tiggarantixxi riżultati tajbin ta’ l-isforzi ta’ konservazzjoni”.
Malta ilha xhur topponi dan l-approċċ u f’Ġunju li għaddha kienet wieħed mill-pajjiżi li vvutaw kontrih. Il-maġġoranza tal-pajjiżi, iżda, qablu ma’ dan l-approċċ ġenerali.
Intant, il-Gvern jilqa’ l-fatt li l-KE tenniet li se tibqa’ taħdem għal ambjent ekwu għas-sajd fil-Mediterran u li fix-xhur li ġejjin il-KE mistennija tressaq proposti dwar sistema ta’ kontroll ma’ pajjizi terzi biex tiggarantixxi li jintlaħqu l-isforzi ta’ konservazzjoni.
Għodda li ma jgħoddux għal Malta
Malta oġġezzjonat ukoll għall-proposti tal-KE dwar kif l-Unjoni għandha tintervjeni fis-swieq ta’ prodotti agrikoli waqt li fissret li l-għodda proposti ma jgħodux għal Malta.
Malta qablet mal-ħtieġa ta’ regolamenti li jippermetti intervent rapidu u effettiv fi kriżi, iżda spjegat l-proposti eżistenti, waqt li jgħinu lill-bdiewa Ewropej, ikollhom effett minimu u ndirett fuq reġjuni periferiċi bħal Malta, meta l-volatilità tas-swieq twassal għal żieda fi prezzijiet taċ-ċereali u prodotti oħra essenzjali għall-biedja. U dan qed jkommpli jiggrava l-qagħda ta’ setturi bħal dak tal-majjal, li diġà huwa vulnerabbli ħafna minħabba ċ-ċokon u l-insularità tas-suq Malti. Malta sejħet biex l-UE toħloq mekkaniżmi neċessarji li jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari tal-bdiewa fid-diversi stati membri u li jippermettu l-għajnuna lis-settur f’pajjiżi żgħar bħal Malta.
Malta kienet rapreżentata mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali Dr Ing Christopher Ciantar.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021