STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
Dott Muscat jikkonferma li mhux se jnaqqas il-kontijiet tad-dawl fil-5 snin li ġejjin
Fid-diskors tiegħu waqt il-Mass Meeting tal-Partit Laburista, Dott Muscat ikkonferma li mhux se jnaqqas il-kontijiet tad-dawl fil-ħames snin li ġejjin.
Dan għaliex is-‘soluzzjoni’ tiegħu għal prezzijiet internazzjonali għolja taż-żjut hija l-konverżjoni tal-Power Station għall-gass. S’hawnhekk, dan jirrifletti l-pożizzjoni konsistenti tal-Gvern. Iżda li qed jonqos milli jgħid Dott Muscat, u għaldaqstant qed jipprova iqarraq lin-nies, huwa li:
1. Ma teżistix pipeline tal-gass li tgħaqqad Malta mal-bqija tal-Ewropa. Għalhekk, irid isir investiment infrastrutturali kbir.
2. Dan ifisser li l-ewwel pajjiżna jrid jassigura finanzjament sostanzjali minn fondi Ewropej mill-programm finanzjarju li ġej, u li ma jibdiex qabel l-2014 ‘il quddiem.
3. Meta wieħed jikkunsidra n-natura ta’ proġett t’ investiment kapitali bħal dan, inkluż il-proċess ta’ tendering, ksib ta’ permessi mill-pajjiż li miegħu jkun se jingħaqad il-pipeline, il-manifattura u l-kostruzzjoni tal-istess pipeline, huwa evidenti li dan mhux proċess li jista’ jitlesta f’inqas minn 5 snin. L-esperjenza fil-proċess tal-bini ta’ interconnector ma’ Sqallija hija xhieda ta’ dan.
Dan kollu jikkonferma li Dott Muscat mhux se jnaqqas il-kontijiet fil-5 snin li gejjin. Dan barra l-fattur importanti li Dott Muscat ma jafx x’se jkun il-prezz tal-gass 5 snin oħra.
Il-Gvern dejjem kien konsistenti mal-argument li l-Power Station il-ġdida tkun tista’ wkoll titħaddem bil-gass u hekk se jsir la darba din l-infrastruttura tkun disponibbli. Fil-Kunsill Ewropew li sar fi Frar tal-2011, fuq insistenza tal-Gvern Malti, l-Istati Membri qablu li għandu jkun żgurat li l-ebda Stat Membru ma’ jibqa’ iżolat min-networks Ewropej tal-gass u tal-elettriku. Dan il-qbil huwa rifless fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea fuq il-Bagit tal-Unjoni Ewropea għal perjodu 2014-2020 fejn qed jiġi propost li fondi jiġu allokati għal Malta biex tinvesti fl-infrastruttura neċessarja għall-konnessjoni man-networks Ewropej tal-gass u tal-elettriku. Din il-proposta qed tiġi diskussa bħalissa biex jintlaħaq ftehim fuqha bejn l-Istati Membri.
Għall-kuntrarju, matul din il-leġislatura, Dott Muscat bidel mill-anqas erba’ (4) verzjonijiet: l-ewwel kien issuggerixxa l-użu tad-diesel (li kien ifisser żieda sostanzjali fil-kontijiet); issuggerixxa t-tnaqqis tal-investiment fis-settur tal-enerġija (permezz ta’ tnaqqis fil-formola magħrufa bħala l-ROCE); issuggerixa l-użu ta’ power station li taħdem fuq bażi ta’ faħam, u issa finalment qed jaqbel mal-pożizzjoni tal-Gvern li eventwalment imur għall-gass.
Madankollu, Dott Muscat mhux qed jgħid il-verità kollha meta jipprova jagħti wieħed x’jifhem li konverżjoni għall-gass tista’ ssir mil-lum għall-għada. Dan juri li, fl-aħħar mill-aħħar, Dott Muscat ma jafx kif jista’ jraħħas il-kontijiet.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021