IPPREMJATA L-ĦILA TAL-ĦADDIEMA FL-ISPTAR ĠENERALI TA’ GĦAWDEX
Fit-tielet edizzjoni ta’ attività koordinata mill-Kumitat tal-Attivitajiet Soċjali u Kulturali fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, għal darba oħra ġew imqiegħda fil-perspettiva l-ħila, l-impenn u l-proattività tal-ħaddiema fl-istess sptar filwaqt li ġie ppremjat dak li kien ikkunsidrat li jixraqlu l-Premju Ħaddiem tas-Sena 2011.
Dan il-premju ġie mogħti lis-Sur Carmel Camilleri li jaħdem bħala infermier fit-taqsima tal-kura intensiva fl-istess sptar fejn jiġu kkurati pazjenti b’mard tal-qalb u l-kliewi. Huwa ġie deskritt bħala ħaddiem eżemplari u responsabbli li involva ruħu f’attivitajiet biex jinġabru fondi għall-benefiċċju ta’ pazjenti li qed isofru minn mard serju kif ukoll biex jorganizza attivitajiet li jippromwovu l-għaqda fost il-ħaddiema. In-nominazzjoni tiegħu ġiet ikkunsidrata minn Kumitat tal-Għażla flimkien ma’ ħamsa oħra li kienu jinkludu dik ta’ Kap tas-Sala tal-irġiel, Social Worker u infermiera li jaħdmu fit-taqsima tal-kura mentali, u żewġ Health Assistants li wieħed minnhom jaħdem fir-Residenza Sant’Anna u l-ieħor joffri servizzi bħala barbier kemm fis-swali tal-ġerjatrija kif ukoll fi swali oħra fl-isptar.
Għal din l-attività attendew l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, l-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Djalogu u l-Familja flimkien ma’ Dr Anthony Livori, Suprintendent tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, mistednin oħra u bosta ħaddiema.
Għall-ewwel darba ġie mniedi l-Premju ‘It-tim tas-Sena’ li ngħata lill-Kumitat għall-Ħarsien tas-Saħħa fi ħdan l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Matul din is-sena, dan it-tim, organizza diversi attivitajiet barra mill-ħitan tal-isptar bil-għan li jiġu promossi prattiċi tajbin marbuta mal-ħarsien tas-saħħa. Dawn l-attivitajiet ġibdu attendenzi numerużi u kienu bosta dawk li bbenefikaw mill-impenn ta’ dawn il-ħaddiema li offrew is-servizzi tagħhom barra mill-ħin normali tax-xogħol.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex ippreżentat il-premjijiet lir-rebbieħa kif ukoll ċertifikati lill-impjegati kollha li ġew innominati minn sħabhom wara li nħarġet applikazzjoni aktar kmieni din is-sena. Ġew ippreżentati wkoll tifkiriet lill-ħaddiema li rtiraw mis-servizz matul l-2011 filwaqt li ġiet rikonoxxuta l-ħidma ta’ waħda mill-ħaddiema li ġiet nieqsa fl-istess sena waqt li kienet għadha toffri s-servizzi tagħha fl-istess sptar.
F’messaġġ għall-okkażjoni l-Ministru għal Għawdex fissret kif l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ dawk kollha involuti fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex huma element li jsaħħaħ l-investiment kontinwu tal-gvern biex dawn is-servizzi jkomplu jiżdiedu u jiġu mtejba. Hija faħħret il-kollaborazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema waqt il-koordinazzjoni ta’ diversi proġetti fosthom it-twaqqif tad-Dipartiment tar-Radjoloġija. Hija fissret kif dan kien proġett intensiv li permezz tiegħu ġiet introdotta sistema kompletament ġdida li qed tipprovdi wkoll servizzi ġodda, iżda minkejja l-intensità tal-proġett is-servizzi baqgħu jingħataw kontinwament u ma ntilfet l-ebda siegħa waħda biss. ‘Dan huwa mertu tal-ħaddiema kollha li kkollaboraw ma’ kull min kien involut fil-koordinazzjoni ta’ dan il-proġett li llum huwa ta’ fejda għal dawk kollha li jeħtieġu dawn is-servizzi f’Għawdex’ sostniet il-Ministru għal Għawdex. Il-Ministru fissret kif il-programm kontinwu ta’ ristrutturar huwa intenzjonat li jkompli jsaħħaħ l-istruttura fl-isptar għall-benefiċċju tal-pazjenti u qrabathom kif ukoll biex jipprovdi ambjenti aħjar għall-ħaddiema kollha. Ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa jinkludu ristrutturar intensiv fit-taqsima tal-kirurġija kif ukoll pavimentar u installazzjoni ta’ servizzi ġodda fil-kurriduri filwaqt li hemm ippjanat xogħol ieħor fit-taqsima tal-outpatients flimkien mal-bini ta’ Child Development Centre. Żvilupp ieħor importanti kien ix-xiri ta’ żewġ ambulanzi ġodda li swew investiment ta’ €350,000.
Is-sur Paul Buttiġieġ, Manager Nursing Services, ta rendikont tal-ħidma relatata mat-taqsima tar-riżorsi umani fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li tinkorpora madwar 700 ruħ. Huwa fisser kif matul l-2011 kien għaddej programm ta’ taħriġ kontinwu bil-għan li numru ta’ ħaddiema fi gradi differenti jibqgħu jiġu aġġornati fid-diversi ħiliet marbuta mas-servizzi rispettivi tagħhom. Dan kien jinkludi żewġ korsijiet li għalihom attendew madwar 400 ħaddiem. Barraminhekk wera sodisfazzjon għall-fatt li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex rebaħ żewġ premjijiet prestiġġjużi fil-Malta People Awards 2011 imtellgħa mill-Fondazzjoni għall-iżvilupp tar-Riżorsi umani f’Malta (FHRD). Dawn il-premjijiet ambiti kienu jinkludu l-Employees Engagement Award u l-Learning & Development Award.
Il-kompetenzi u l-ħila ta’ dawn il-ħaddiema dehret ukoll fil-programm imtella’ matul is-serata li kien koordinat mill-kumitat organizzattiv bil-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ ħaddiema li ppreparaw preżentazzjonijiet awdjoviżivi, poeżija u siltiet mużikali.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021