Left arrow Go Back

TITNIEDA KAMPANJA DWAR L-EFFETTI TAL-ALKOĦOL FIT-TQALA - “CELEBRATING PREGNANCY WITHOUT ALCOHOL”

pr2031
Date Icon 18/09/2012

Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Kommunità, l-Onor. J Cassar waqt konferenza tal-aħbarijiet taħt l-isem “Celebrating Pregnancy without Alcohol” qal li f’diversi riċerki li saru, ġie ikkonfermat li l-ewwel snin tal-ħajja ta’ persuna, anke meta tkun għadha fil-ġuf, għandhom impatt kbir fuq saħħitha.  Għalhekk investiment fis-saħħa tat-tarbija fl-ewwel snin ta’ ħajjitha huwa fil-fatt investiment sħiħ fis-saħħa tal-persuna għal matul ħajjietha kollha.

Għaldaqstant, l-Onor. J Cassar qal li l-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Kommunità, tul is-snin bena servizz sħiħ immirat lejn l-omm u t-tarbija, li jibda anke minn qabel it-tqala.  Dawn is-servizzi jkopru diversi għanijiet mhux biss dawk kliniċi, iżda jinkludu wkoll support u promozzjoni ta’ stil ta’ħajja aħjar għall-omm u t-tarbjia.  Fosthom f’Mater Dei għandna l-Parent Craft Classes, il-walk-in Breastfeeding clinic, u l-kampanji ta’ tagħrif dwar il-Breastfeeding u ikel tajjeb waqt it-tqala. Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jgħinu lill-ommijiet fit-trobbija ta’ uliedhom.  Għalkemm ir-rata tal-alkoħol waqt it-tqala f’Malta mhix allarmanti xorta nħass il-bżonn li tinħoloq kampanja ta’ prevenzjoni f’dan ir-rigward.

Dr Charmaine Gauci, Direttur għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni ta’ Mard kompliet tgħid li fi ħdan dan id-direttorat wieħed jista’ jsib tagħrif dwar il-Breastfeeding, ikel komplimentari għat-trabi, kif ukoll kif għandu jiġi ppreparat dan l-ikel.  Isiru wkoll diversi inizjattivi biex l-ommijiet isiru konxi minn prattiċi tajbin għas-saħħa ta’ uliedhom bħalma huma kontribuzzjonijiet fil-Mother & Baby Clubs, tagħrif fuq il-mezzi tax-xandir u laqgħat fil-komunità.

Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Kommunità l-Onor Dr J Cassar qal li dan l-aħħar smajna b’diversi studji li juru li l-Maltin jixorbu l-alkoħol forsi ftit żejjed ukoll.  Iżda l-alkoħol m’għandux u ma jistax ikun parti mit-tqala.  Ħafna min-nisa Maltin jieqfu jixorbu l-alkoħol malli jsiru jafu li ħarġu tqal.  Permezz ta’ din il-kampanja li qedgħin inniedu llum, irridu nilħqu lil dawk in-nisa li għadhom ma jafux il-ħsara li jkunu qed jagħmlu u jkomplu jixorbu l-alkoħol anke waqt it-tqala. Din il-mira hija waħda mill-azzjonijiet li ġew irrakkomandati mill-Pjan Nazzjonali għall- Kanċer li ġie mniedi mill-Gvern.

L-alkoħol li tixrob l-omm jgħaddi direttament għat-tarbija u jkun preżenti fid-demm tat-tarbija wkoll.  L-alkoħol jaffetwha l-iżvilupp sħiħ tat-tarbija speċjalment tal-moħħ u s-sistema nervuża.  It-tarbija tista’ titwieled b’kumplikazzjonijiet b’riżultat ta’ dan.  Tqala ġdida tfisser ħajja ġdida.  Li  tarbija tibda l-ħajja bl-aktar mod b’saħħtu hija importanti għaliha.
M’hemm l-ebda tip jew ammont ta’ alkoħol li jista’ jitqies bħala safe għat-tarbija.  Il-parir tagħna huwa li matul il-perjodu kollu marbut mat-tqala, ma jinxtorobx alkoħol.  Dan ifisser sa minn meta mara tibda tippjana li toħroġ tqila, waqt it-tqala kollha u meta tkun qed tredda lit-tarbija tagħha.

Lill-missierijiet ukoll għandhom id-dmir li jissaportjaw lill-partners tagħhom qabel, waqt u wara t-tqala billi ma jixorbux huma wkoll.  B’hekk ikunu qed jieħdu ħsieb saħħithom ukoll.  Meta jkollna okkazzjonijiet fejn normalment jinxtorob l-alkoħol, irridu nieħdu ħsieb li jkun hemm ukoll alternattivi li jistgħu jinxtorbu minn kullħadd, inkluż nisa tqal.

Kull persuna li jkollha bżonn is-sapport fejn jidħol l-alkoħol u t-tqala tista’ ssibha kemm ġewwa il-Parentcraft f’Isptar Mater Dei, mingħand l-Aġenzija SEDQA kif ukoll mid-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni ta’ Mard.

Is-Sinjura Sultana Lauria qasmet l-esperenzja tagħha li għalkemm hi qatt ma kellha l-vizzju tal-alkoħol ħasset il-bżonn biex tgħin f’din il-kampanja li l-bidu tal-ħajja tikkontribuixxi għas-saħħa tat-tarbija matul ħajjitha kollha; għalhekk bħala omm tħoss li dejjem għandna nagħtu l-aħjar bidu għat-tarbija tagħna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Il-Mediterranean Tourism Foundation tiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela

PR262021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Il-Mediterranean Tourism Foundation t...

More Press Releases Right arrow