MALTA TKOMPLI SSAĦĦAĦ L-EKONOMIJA PERMEZZ TA’ AKTAR INVESTIMENT LOKALI U BARRANI BIEX B’HEKK IKOMPLU JINĦOLQU MIJIET TA’ IMPJIEGI
"Pajjiżna qed ikompli isaħħaħ l-qagħda ekonomika permezz ta’ aktar investiment lokali u barrani u dan għaliex in-negozjanti għandhom fiduċja sħiħa li jinvestu u jkabbru l-operat tagħhom f’pajjiżna." Dan qalu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żghar u l-Konsumatur Jason Azzopardi waqt żjara għamel dalgħodu fl-ewwel stabbiliment ta’ katina internazzjonali ta’ Costa Coffee.
Il-Ministru Azzopardi spjega kif dan l-investiment sewa 300,000 Ewro lil The Coffee Company Malta Ltd., li hija kumpanija sussidjarja ta’ Buttigieg Holdings Ltd. u li tmexxi dan il-ħanut f’pajjżna. Il-Ministru qal li din il-kumpanija ma beżgħatx tidħol għal dan l-investiment li ssarraf f’wieħed sod u li ħoloq 25 impjieg ġdid. Costa Coffee f’Malta ilha topera minn Ġunju ta’ din is-sena u diġà għamlet suċċess kbir mal-klijenti tagħha. Costa għandha mal-2344 ħanut mferxin fi 30 pajjiż madwar id-dinja. L-aktar li huma popolari huma dawk stabbiliti fl-Ingilterra.
Dr. Robert Buttiġieġ, Direttur Maniġerjali ta’ The Coffee Company qal li l-kumpanija tant rat potenzjal f’dan il-proġett li ddeċidiet li tkompli tinvesti sabiex fi żmien sentejn oħra tkun fetħet 9 ħwienet oħra ta’ Costa f’pajjiżna. Dan se jkun ifisser b’kollox investiment ta’ 1.5 miljun Ewro u l-ħolqien ta’ 200 impjieg ġdid.
Il-Ministru Azzopardi faħħar il-bżuilija ta’ din il-kumpanija li kellha d-determinazzjoni u l-potenzjal li tiftaħ ħanut ta’ katina internazzjonali u li se jkun ifisser investiment fis-sod u ħolqien ta’ aktar impjiegi. Dan kollu, saħaq il-Ministru se jkun qed jirriżulta f’investiment akbar u ħolqien ta’ aktar impjiegi. Huwa qal li l-Gvern huwa kommess li jgħin lin-negozji jimirħu u jikbru aktar permezz ta’ diversi skemi u inċentivi.
Il-Ministru spjega li l-Gvern qiegħed kontinwament jaħdem sabiex joffri aktar flessibilità lin-negozji u anqas burokrazija. Eżempju ċar ta’ dan huwa il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar proposti li jemendaw regolamenti dwar il-liċenzji tal-kummerċ. Huwa spjega li l-proposti l-ġodda se jiġu kollha fis-seħħ minn Ottubru li ġej, u dan se jkun qed iffisser li n-negozji Maltin u Għawdxin se jkollhom regoli aktar sempliċi u b’anqas burokrazija. Dan kollu qal l-Ministru huwa turija ċara li l-Gvern jemmen fis-sħiħ fin-negozji Maltin u Għawdxin u jrid jgħinhom sabiex ikomplu jikbru u jisaħħu.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021