FTEHIM ĠDID GĦALL-INFERMIERA FIL-PRE-HOSPITAL CARE
Il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Kommunità ħabbar il-pjan ta’ kif jistgħu jiġu indirizzati aħjar l-isfidi li servizzi tas-saħħa jiffaċċaw fil-kuntest tal-emerġenza, jew hekk kif aħjar imsejħa “pre-hospital care”. Il-Ministru Joe Cassar qal li l-kura li tingħata f’dan il-kuntest ta’ pre-hospital care għandha titqies bħala parti ewlenija tas-servizz tal-emerġenza ġewwa pajjiżna.
Il-Ministeru, wara dikussjonijiet, u bi ftehmim, mal-MUMN, illum qed jinfurmaw lill-pubbliku bl-iżviluppi u l-pjanijiet li l-Ministeru wasal għalihom, pjanijiet li joffru mogħdija strutturata ta’ żvillup meħtieġ f’dan is-settur daqs tant importanti.
Il-gvern jirrikonoxxi li wieħed mill-membri ewlenin tat-tim ta’ professjonisti u ħaddiema li joffru kura f’dan is settur huwa, bħal f’ħafna kuntesti oħra, l-infermier. Għalhekk, filwaqt li l-gvern baqa’ impenjat b’ħidma lejn żvilupp ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-paramediċi li jassistu f’dan il kuntest, ġie deċiż ukoll li, ladarba jiggradwaw l-ifermiera ġodda s-sena d-dieħla mill-Università ta’ Malta, in-numru ta’ infermiera assenjati speċifikament fil-kuntest ta’ pre-hopital care, fid-dipartiment tal-emerġenza, ser jiżdied b’tal-anqas infermier f’kull shift mis-sena d-dieħla u b’infemier ieħor f’kull shift hekk kif jiggradwaw l-infermiera fis-sena ta’ wara. Dan qed isir bi ftehim mal-MUMN u għandu jassigura li d-domanda għas-servizz f’dan is-settur tintlaħaq aħjar u b’mod iżjed effettiv.
Il-Ministru Joe Cassar kompla jispjega li, ukoll bi ftehim mal-MUMN, se tkun qed tiġi pubblikata sejħa għall-infermiera bħala Practice Development Nurse fis-settur tal-pre-hospital care. Huwa fakkar li bħal ma diġà jeżistu practice development nurses f’diversi setturi oħra, bħalma huma l-kura palljattiva, il-kura tat-tfal, eċċ., issa nħasset il-ħtieġa li b’impenn lejn l-iżvilupp konkret tas-settur tal-pre-hospital care, bi ftehim mal-MUMN, għandha tiġi pubblikata sejħa għal post simili, speċifikament fil-pre-hospital care.
Issemma wkoll illi f’dan l-istess settur għaddejjin diskussjonijiet u kunsultazzjonijiet mal-partijiet kollha rispettivi sabiex jiġi determinat liema mediċini (drugs) jistgħu jiġu amministrati mill-infermier fuq ambulanzi. Wara li kienu kunsidrati l-implikazzjonijiet medico-legali ta’ prattiċi bħal dawn, il-kwistjoni kienet riżolta fis-sens illi, għal darba oħra wara ftehim mal-Unjin li tirrapreżenta lill-infermiera, ir-rwol tal-infermier fuq ambulanza, mingħajr tabib, jista’ jinkludi li jkunu amministrati mediċini. L-isfida li qed tiġi indirizata f’dan l-istadju issa hija liema tip ta’ mediċini jistgħu jingħataw mill-infermier f’dan il kuntest partikolari ta’ pre-hospital care. M’hemmx dubbju li l-interess tal-pazjent jibqa’ dejjem il-gwida ewlenija f’kull żvillupp u ftehim bħal dan mal-MUMN.
Fl-aħħar nett il-Ministru indika li l-Gvern fehem il-preokkupazzjoni li l-MUMN u l-infermiera membri tagħha għandhom fir-rigward ta’ poloz ta’ assikurazzjoni speċjali għall-infermiera li jaħdmu fil-kuntest ta’ pre-hospital care. Issemma kif dawk il-professjonisti li jagħtu servizz fil-pre-hospital care fuq l-air ambulance, diġà jgawdu minn assikurazzjoni ta’ din l-għamla. Il-Ministru spjega kif il-proċess jinsab fi stadju avvanzat sabiex din l-iskema ta’ assikurazzjoni tkun estiża għall-ħaddiema u professjonisti, u allura wkoll għall-infermiera, li jaħdmu fil-pre-hospital care fuq kull forma ta’ ambulanza u mhux fuq l-air ambulances biss.
Il-Ministru Joe Cassar temm jgħid li jittama u jawgura li kif wasalna fuq punti kruċjali oħra, naslu wkoll għal ftehim fil-futur qrib fuq din il-materja wkoll, sabiex b`hekk il-pazjent ikompli jkun moqdi aħjar filwaqt li l-interessi tal-infermiera jkomplu jkunu mħarsa bl-aħjar mod possibbli.
Other Press Releases:
PR262021en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...
PR262021