Left arrow Go Back

STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR. LAWRENCE GONZI DWAR IL-KUNSILL EWROPEW TAL-ĦAMIS U L-ĠIMGHA 8 U 9 TA’ DICEMBRU 2011

pr2415
Date Icon 10/12/2011

Mr Speaker,

Dalgħodu, hija l-ewwel opportunita' li għandi sabiex nirraporta lill-Kamra dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li nżamm bejn il-Ħamis filgħaxija u l-bieraħ. 

Nibda billi nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Konkluzjonijiet ta' dan il-Kunsill Ewropew kif ukoll kopja tad-Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern  taz-Zona Ewro.

Jiena nqis dan il-Kunsill Ewropew bħala wieħed mill-aktar kruċjali fl-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea. It-taqlib finanzjarju u ekonomiku li għaddejja minnu kemm l-Unjoni kif ukoll il-Punent, huwa l-akbar wieħed fl-istorja riċenti. 

F'dan il-kuntest, inqis li dan il-Kunsill huwa suċċess kbir fis-sens li ġew indirizzati l-elementi li s-swieq finanzjarji kienu qed jistennew sabiex jerġghu ikunu partecipi fl-attivita' ekonomika u b'hekk jigu mħarsa u jinħolqu l-postijiet tax-xoghol.  Kif għidt konsistentament fl-aħħar stqarrijiet tiegħi, il-Gvern iqis li l-attivita ekonomika mhix ezerċizzju astratt.  Għalina l-ekonomija hija l-ħidma u l-impenn biex jigi maħluq u mħares ix-xogħol u biex jitkattar il-gid  li jwassal għal ħajja aħjar għall-ħaddiema u l-familji tagħna. 

Is-swieq finanzjarji kienu qed jitolbu mill-Gvernijiet Ewropej żewg affarijiet bażiċi:  l-istabbilita' u ċ-ċertezza.  Jidhirli li f'dan il-Kunsill, wara dibattitu twil u iebes, wasalna biex sibna l-formola kif nagħtu dawn iż-żewg elementi, iċ-ċertezza u l-istabbilita', li fuqhom is-swieq finanzjarji jkunu jistgħu jikkontribwixxu fl-attivita' ekonomika.

Mr Speaker,

Jiena għidt li dan il-Kunsill Ewropew kien magħmul minn dibattitu twil u iebes.  Fil-fatt, il-ħidma għal dan il-Kunsill ilha għaddejja għall-għadd ta' ġimgħat.  Hawn nixtieq nirringrazzja b'mod partikolari lir-Rapprezentanza Permamenti ta' pajjiżna għall-Unjoni Ewropea u lill-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment ghax-xoghol siewi li wettqu.  Fil-punt tat-tluq u matul il-proċess kien hemm elementi u proposti li kienu qed ħassbuna.  Izda, b'sodisfazzjoni ngħid li l-argumenti u l-punti li ressaqna ġew kkunsidrati u r-rizultat finali huwa wieħed fejn dak kollu li kien qed iħassibna gie indirizzat.

Bazikament, l-għodda bazika li qbilna fuqha f'dan il-Kunsill Ewropew hija budget nazzjonali bilancjat.

Mr Speaker,

Aħna m'għandna l-ebda problema b'dan.  Anzi, dan huwa l-programm tal-Gvern.  Kif stqarrejt kemm-il darba, il-politika tal-Gvern hija li jasal għal budget bilanċjat u aħna mexjin f'din id-direzzjoni.  Kieku ma kellniex ir-riċessjoni tal-2009 u allura kellna nieħdu mizuri eċċezzjonali biex inħarsu eluf ta' postijiet tax-xogħol, kieku llum diġa wasalna.  Imma ma jiddispjaċini xejn li għamilna dmirna u ħarisna il-ħobza ta' kuljum ta' eluf ta' ħaddiema taghna.  Madanakollu ninsabu fid-direzzjoni t-tajba biex nagħlqu din is-sena billi nkunu wieħed mill-ftit pajjizi li għandhom deficit taht it-3% tal-Prodott Gross Domestiku u noħorgu mill-Excessive Debt Procedure.

Għalhekk, lanqas għandna problema li dawk il-pajjiżi li ma josservawx dan l-element tal-Patt ta' Stabilta' u Tkabbir ikollhom penali u miżuri korrettivi awtomatiċi.  Lanqas għanda problema li r-regola ta' budget nazzjonali bilanċjat, l-imsejjħa golden rule, tkun parti mill-Kostituzzjoni tagħna.  Nistieden lill-Opposizzjoni biex tinghaqad mal-Gvern sabiex naghmlu dan il-pass ghal harsien tal-impjiegi tal-ħaddiema tagħna u ta' pajjizna.  F'dan il-kuntest nixtieq nirringrazzja lill-Opposizzjoni li, skont kif smajt fil-mezzi tax-xandir,  qed taqbel mal-posizzjoni li ħa l-Gvern f'dan il-Kunsill.

Dan il-pass, imsejjaħ ukoll compact fiskali, ser jiddaħħal fis-seħħ permezz ta' Trattat Intergovermentali bejn is-17-il Pajjiż Membru taz-Zona Ewro.  Disa' pajjiżi oħra, jiġifieri l-bqija tal-Unjoni Ewropea minbarra r-Renju Unit, espremew l-interess tagħhom li jissieħbu f'dan il-proċess.  Xorta waħda, ix-xewqa tal-Gvern Malti tibqa' li dan il-proċess ikun proċess tas-27 Pajjiż Membru tal-Unjoni Ewropea.

Flimkien ma' dan qbilna li x-xogħol fuq l-Mekkanizmu Ewropew ta' Stabbilita' (ESM) għandu jitħaffef u jigi ratifikat sa nofs is-sena d-dieħla waqt li jitħaffef ukoll ix-xogħol fuq il-Facilita' Ewropea ta' Stabbilita' Finanzjarja (EFSF) fejn huwa stmat li bejniethom ikollhom 500 biljun ewro.  Qbilna wkoll li l-Unjoni Ewropea żżid ir-riżorsi tal-Fond Monetarju Internazzjonali b'200 biljun ewro.  Dan ifisser li l-Bank Ċentrali tagħna jislef 150 miljun ewro lil dan il-Fond.

Fil-kuntest ta' stabbilita' u ċertezza qbilna li jiġi affermat li l-Private Sector Involvement li  kien operat fil-programm Grieg kienet miżura unika u eċċezzjonali.

Matul dan il-Kunsill Ewropew iffirmat it-Trattat ta' Adezjoni tal-Kroazja.  Dan huwa pass sinifikattiv ħafna kemm għall-Kroazja, għar-reġjun tal-Balkani kif ukoll għall-bqija tal-Unjoni Ewropea.   F'dan it-taqlib kollu, l-Unjoni Ewropea tibqa' strument ta'  ġid, stabbilta' u zvilupp.

Il-qasam tal-enerġija gie diskuss ukoll.  Hawnhekk komplejna niżviluppaw id-diskussjoni li kellna fi Frar li għadda.  Ta' interess partikolari għall-pajjiżna huwa l-fatt li qbilna li hemm bzonn urġenti ta' progress f'għadd ta' oqsma inkluż id-dikjarazzjoni li “ebda Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ma' għandu jibqa' iżolat min-networks ewropej tal-gas u l-elettriku jew ikollu is-sigurta tal-enerġija tiegħu mhedda minħabba n-nuqqas ta' konnessjonijiet xierqa”.

F'isem il-Gvern Malti tkellimt ukoll dwar il-ħtiega li l-assi Libjani li bħalissa jinsabu ffrizati jiġu mqiegħda għad-disposizzjoni tal-Gvern Libjan sabiex dan ikun jista' juzahom biex jerġa' jibda jibni dan il-pajjiż.  Nieħu gost ninnota li kien hemm qbil dwar dan.

Mr Speaker,

Għaddejna u għaddejjin minn żmien imqalleb.  Imma flimkien qed jirnexxilna nieħdu l-passi sabiex  nilqgħu u negħlbu dan il-maltemp.  L-impenn tal-Gvern tiegħi huwa li jibqa' jaħdem bla waqfien sabiex iħares l-impjiegi tal-ħaddiema tagħna.  B'hekk inkunu nistghu nizguraw li jinħoloq il-ġid li jifisser dinjita' u zvilupp personali tal-ħaddiema tagħna, servizzi ta' saħħa u edukattivi xierqa, servizzi soċjali, investiment fl-ambjent u kwalita' ta' ħajja aħjar għall-familji tagħna. 

Jalla f'din il-Kamra naħdmu flimkien ghal dan il-għan.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għawdex 2026’, biċ-ċelebrazzjonijiet jibdew bil-kunċert spettakolari ‘Christmas It’s Time’

PR262013

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...

More Press Releases Right arrow