Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012
Date Icon 25/11/2026

Investiment ta’ €1.2 miljun għall-2027 biex tkompli tissaħħaħ il-kapaċità tal-Fondazzjoni

 

Il-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (FITA) qed tiċċelebra 25 sena mit-twaqqif tagħha, b’impenn kontinwu biex it-teknoloġija tkun strument ta’ indipendenza, dinjità u inklużjoni għal kulħadd.

 

Fid-diskors tiegħu waqt ċelebrazzjoni organizzata għal din l-okkażjoni, il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, enfasizza l-importanza li l-progress teknoloġiku jkun akkumpanjat minn opportunitajiet indaqs u aċċessibbiltà għal kull membru tas-soċjetà.

 

“Is-suċċess tal-innovazzjoni ma jitkejjilx biss mill-avvanzi teknoloġiċi li niksbu, imma mill-ħajja li jirnexxielna ntejbu permezz tagħhom. Ma rridux soċjetà bil-benefiċċji tat-teknoloġija disponibbli biss għal min jista’, jew għal min għandu l-mezzi biex jużahom. Irridu niżguraw li kull persuna, irrispettivament mill-isfidi li taffaċċja, ikollha l-opportunità li tibbenefika mill-progress. FITA hija parti importanti minn din il-viżjoni, għaliex tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-innovazzjoni u tagħmel mit-teknoloġija għodda ta’ indipendenza, dinjità u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà. Dan huwa l-kejl veru tal-progress li rridu nkomplu niksbu”, qal il-Ministru Clifton Grima.

 

Huwa fakkar kif fl-2020 il-Gvern saħħaħ l-identità istituzzjonali tal-Fondazzjoni, u minn dakinhar kompla jinvesti fil-kapaċità operattiva tagħha permezz ta’ riżorsi finanzjarji u umani. Illum FITA għandha tim ta’ aktar minn 30 impjegat, filwaqt li għall-2027 huwa previst investiment ta’ madwar €1.2 miljun.

 

Fost l-inizjattivi ewlenin tal-Fondazzjoni hemm l-Independent Living Hub, li jgħin lill-persuni b’diżabilità jsiru familjari mat-teknoloġiji assistivi u jużawhom biex jgħixu b’aktar awtonomija, u d-Devices Leasing Scheme, li tnaqqas l-ostakli finanzjarji għall-akkwist ta’ tagħmir teknoloġiku assistiv, filwaqt li tipprovdi t-taħriġ u l-appoġġ meħtieġ.

 

Carlo Stivala, Kap Eżekuttiv ta’ FITA, filwaqt li ta ħarsa lejn l-istorja ta’ FITA, qal, “Meta nħarsu ’l quddiem, il-futur ta’ FITA jwiegħed ħafna aktar stejjer ta’ suċċess. Aħna nibqgħu impenjati li niżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi li jagħtu s-setgħa lill-individwi, jisfruttaw teknoloġiji emerġenti biex jappoġġjaw għajxien indipendenti, u jippromwovu l-inklużjoni fil-komunità. Permezz tal-introduzzjoni ta’ apparat assistiv ġdid u soluzzjonijiet għad-dar ibbażati fuq l-Intelliġenza Artifiċjali, aħna nimmiraw li ngħinu liċ-ċittadini anzjani u lill-persuni b’diżabilità jibqgħu attivi u jgħixu b’mod indipendenti fi djarhom u fil-komunitajiet tagħhom.”

 

Il-Ministru Grima rrikonoxxa wkoll il-kontribut tal-ħaddiema ta’ FITA, li fl-2025 ġew rikonoxxuti bħala Team of the Year fil-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena.

 

Waqt li ħares lejn il-futur, Dr Grima enfasizza li l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali u ta’ teknoloġiji diġitali oħra jġib miegħu opportunitajiet ġodda, imma jeħtieġ li l-aċċessibbiltà tibqa’ prijorità sabiex ħadd ma jitħalla lura.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

More Press Releases Right arrow