MALTIN ILLI JAĦDMU MAL-ISTITUZZJONIJIET TAL-UNJONI EWROPEA JILTAQGĦU MAL-PRIM MINISTRU
Fit-8 ta' Diċembru 2011, fuq l-invit tar-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea, l-Ambaxxatur Richard Cachia Caruana, saret laqgħa soċjali mal-Prim Ministru, Lawrence Gonzi, għall-Maltin u Għawdxin li jaħdmu ma' l-Istituzzjonijiet differenti ta' l-Unjoni Ewropea. Il-laqgħa soċjali saret fir-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea f'Brussell.
Il-laqgħa pprovdiet opportunità ukoll għal dawk li jwettqu funzjonijiet differenti fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea - kemm fil-Belġju kif ukoll fil-Lussemburgu - biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-Prim Ministru. Il-Prim Ministru rringrazzja lil dawk kollha preżenti għall-isem tajjeb li jagħtu lill Malta waqt li jwettqu l-funzjonijiet rispettivi tagħhom fuq livell Ewropew. Il-Prim Ministru wera wkoll l-apprezzament tiegħu tal-fatt li ħafna minn dawk preżenti u l-familji tagħhom jagħmlu sagrifiċċji biex jgħixu l-bogħod mill-familjari l-oħra tagħhom u l-ħbieb f'Malta, u awguralhom l-isbah xewqat ghall festi tal-Milied.
Il-Prim Ministru jinsab fi Brussell biex jattendi laqgħa tal-Kunsill Ewropew li qed iseħħ fit-8/9 Diċembru 2011. Huwa akkumpanjat mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech, u mir-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea, l-Ambaxxatur Richard Cachia Caruana.
Other Press Releases:
PR262013
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...
PR262012