XOGĦOL FUQ IL-KAPPELLA TA’ SANTA ĊEĊILJA FFINANZJAT MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Permezz tal-iskema ta’ eko-Għawdex għall-Għaqdiet mhux Governattivi Għawdxin, il-Ministeru għal Għawdex iffinanzja proġetti koordinati mill-għaqda Wirt Għawdex li permezz tagħhom sar xogħol ta’ titjib fuq żewġ siti storiċi fil-gżira ta’ Għawdex – il-Kappella ta’ Santa Ċeċilja u s-silos taċ-Ċittadella.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono żaret il-Kappella Medjevali ta’ Santa Ċeċilja fix-Xewkija, fejn kellha l-opportunità li tara x-xogħol ta’ restawr u tisbiħ li sar f’din il-kappella li kien jinkludi l-installazzjoni ta’ art tal-injam u sistema ta’ dwal li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija. Għadu għaddej xi xogħol ta’ tisbieħ fuq barra tal-kappella u mistenni li jitħawlu pjanti endemiċi biex ikomplu jikkumplimentaw dan il-proġett.
Il-Ministru għal Għawdex faħħret l-inizjattiva u l-ħidma ta’ din l-organizzazzjoni mhux governattiva li għandha l-għan li ttejjeb is-siti storiċi f’Għawdex biex ikunu jistgħu jitgawdew mhux biss minn nies tal-lokal iżda wkoll mill-Maltin u t-turisti li jżuru l-gżira Għawdxija matul is-sena. Hija fissret kif il-Ministeru għal Għawdex jikkollabora kontinwament mal-għaqda Wirt Għawdex kif ukoll ma’ għaqdiet oħra bħal Heritage Malta u Din l-Art Ħelwa biex b’hekk jiġi mmassimizzat l-impenn b’risq il-preservazzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt storiku tal-gżira ta’ Għawdex. Il-Ministru Giovanna Debono żiedet tgħid li dan huwa biss wieħed mill-ħafna proġetti li qed isiru mill-Ministeru għal Għawdex fit-twettieq tal-pjan ta’ azzjoni eko-Għawdex 2010 – 2012, li jfittex żvilupp sostenibbli li jagħmel mill-gżira Għawdex aħjar.
Ftit inqas minn sentejn ilu fuq din il-kappella tlesta proġett estensiv ta’ restawr li sar mill-Ministeru għal Għawdex bil-kollaborazzjoni sħiħa ta’ Baron Group u Wirt Għawdex. Minn meta l-kappella kienet ġiet profanata fis-sena 1644 sa ftit tas-snin ilu, din il-binja kienet tintuża bħala maqjel jew kamra tal-għodda, sakemm riċentament fuq talba tal-Ministeru għal Għawdex, din ġiet esproprijata biex ikunu jistgħu jsiru xogħlijiet urġenti ta’ restawr u b’hekk jiġi eliminat ir-riskju li din li kienet kappella storika tinqered għal kollox. Fil-koordinazzjoni ta’ din il-ħidma kienu nvoluti periti, nies tekniċi u ħaddiema oħra fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li ħadmu id f’id mal-kuntratturi.
Taħt l-iskema ta’ eko-Għawdex għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Għawdxin, il-Ministeru għal Għawdex qed jiffinanzja 38 proġett li qed jiġu mwettqa minn 37 organizzazzjoni b’finanzjament ta’ €1.24 miljun. Il-proġetti jvarjaw minn dawk marbuta ma’ enerġija rinovabbli b’risq l-oqsma kulturali, soċjali u ambjentali f’diversi lokalitajiet Għawdxin.
Other Press Releases:
PR262013
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...
PR262012