Left arrow Go Back

IN-NEGOZJATI DWAR IL-QAFAS FINANZJARJU MULTIANNWALI 2014-2020 TAL-UE - DISKUSSJONI FIL-MEUSAC DWAR IL-POŻIZZJONI TA’ MALTA

pr2386
Date Icon 07/12/2011

Filwaqt li f’nofs din is-sena bdew id-diskussjonijiet tekniċi dwar il-baġit finanzjarju li jmiss tal-Unjoni Ewropea, is-sena d-dieħla mistennija jsiru n-negozjati meħtieġa bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex jiffinalizzaw il-qafas multiannwali għas-snin 2014-2020.    

Dan intqal waqt il-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020 li saret ilbieraħ. Il-laqgħa kienet preseduta mis-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, Chris Said.

Fi preżentazzjoni minn Margaret Cassar, Uffiċjal fid-Diviżjoni tal-Politika Ekonomika fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija, u l-Investiment (MFEI), ġie spjegat it-tibdil propost mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kontribuzzjoni u l-allokazzjoni ta’ fondi mill-UE għas-seba’ snin li ġejjin.  Fost l-iktar bidliet sinifikanti semmiet it-tibdil fil-klassifikazzjoni tal-pajjiżi għall-allokazzjoni tal-Fondi ta’ Koeżjoni, l-introduzzjoni ta’ proġetti ta’ skala kbira li jgħaqqdu iktar l-Ewropa, sistema ġdida għall-kontribuzzjoni mill-VAT tal-pajjiżi membri lill-UE, u l-infurzar ta’ taxxa ġdida għat-tranżazzjonijiet finanzjarji (FTT).   

Is-Sinjura  Cassar qalet li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hi li Malta qed tkun kunsidrata li tifforma parti mill-pajjiżi meqjusa bħala “tranżitorji” minħabba li l-Prodott Gross Domestiku (PGD) huwa ta’ 78% tal-UE.  Spjegat kif dan ifisser li Malta m’għadhiex fost il-pajjiżi li għaddejjin minn konverġenza minħabba li nqabżet it-treshold ta’ 75%.  Quddiem din il-proposta, Malta qed tressaq l-argument li l-pajjiż m’għandux jitqies l-istess bħall-pajjiżi li joqorbu r-rata ta’ 90% tal-PGD tal-UE. 

L-uffiċjal tal-Ministeru tal-Finanzi qalet ukoll li f’dak li għandu x’jaqsam ma’ proġetti li jgħaqqdu ‘l-Ewropa, Malta qed tkun kunsidrata għal 2 proġetti fil-qasam tat-trasport u 2 oħra fis-settur tal-enerġija, fosthom l-interconnector ma’ Sqallija. Rigward il-proposta tal-VAT, li issa se tkun iktar ibbażata fuq l-irċevuti, Malta qed topponi li l-proporzjon tal-VAT ikun indaqs għall-pajjiżi kollha fl-UE minħabba li jista’ jintlaqat ħażin l-iktar is-settur turistiku.  Malta se tibqa’ topponi wkoll l-introduzzjoni tat-taxxa għat-tranżazzjonijiet finanzjarji minħabba l-impatt fuq is-settur finanzjarju lokali.

Fost il-punti mqajma mill-membri tal-Core Group ġew trattati:

• l-ispejjeż amministrattivi tal-Kummissjoni Ewropea
• jekk Malta għandhiex tkun selettiva u tieħu pożizzjoni kontra l-FTT
• il-prijorità li għandha  tingħata lill-enerġija rinnovabbli
• il-ħsieb li jsir tibdil fit-trattati tal-UE biex ikun hemm konsolidament ikbar fil-politika fiskali tal-pajjiżi membri
• il-fatt li l-UE għandha tikkunsidra t-tibdil li qed iseħħ fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran.

B’reazzjoni għall-osservazzjonijiet imressqa mill-membri ġie spjegat it-tnaqqis mistenni fin-numru ta’ impjegati mal-istituzzjonijiet Ewropej biex ma jkomplux jiżdiedu l-ispejjeż amministrattivi.  Dwar l-FTT issemma kif din tnaqqas il-kompetittività fis-settur finanzjarju mhux biss lokalment iżda fl-Ewropa, bir-riskju li kumpaniji ma jibqgħux joperaw iktar fl-UE.  Dwar il- konsolidament fiskali tal-UE, ġie enfasizzat li pajjiżi li huma konformi m’għandhomx jitpoġġew fl-istess kejl ta’ min naqas mill-obbligi tiegħu.

Għalkemm xorta mhux se tissolva d-dipendenza fuq l-enerġija miż-żejt, il-faħam u l-gass li lkoll iniġġsu l-ambjent,  fil-Politika ta’ Koeżjoni hemm iktar fondi kkonċentrati fuq enerġija li ġejja minn sorsi naturali. Jidher ukoll li  Malta se tkun qed tibbenefika mill-fondi li jindirizzaw l-immigrazzjoni.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għawdex 2026’, biċ-ċelebrazzjonijiet jibdew bil-kunċert spettakolari ‘Christmas It’s Time’

PR262013

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...

More Press Releases Right arrow