STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Il-Ministeru għal Għawdex jirreferi għal rapporti li dehru f’sezzjonijiet tal-media lokali dwar il-ħsarat li ġarrbet it-Triq tax-Xlendi kawża tal-maltemp ta’ din il-ġimgħa u jiċħad kategorikament l-informazzjoni żbaljata intenzjonata biss li tqarraq. Ix-xogħlijiet fuq din it-triq kienu ġew stmati li jiswew €4.2 miljun (VAT eskluża) u l-kuntratt għal dawn l-istess xogħlijiet ingħata għal valur ta’ €2.95 miljun (VAT eskluża). Dawn iċ-ċifri huma pubbliċi u jistgħu jiġu vverifikati minn fuq is-sit elettroniku www.contracts.gov.mt. Mhux talli hekk, iżda l-Ministeru jikkonferma li ma ntefaq l-ebda ċenteżmu iktar mill-valur tal-kuntratt fuq dawn ix-xogħlijiet.
Il-kumpanija li ħadet dan il-kuntratt hija l-JPF Joint Venture. Ta’ min jenfasizza li l-għażla tal-kumpanija/kuntrattur/i ssir abbażi ta’ proċess stabbilit u mmexxi mid-Dipartiment tal-Kuntratti u mhux minn xi Ministru kif ipprova jinsinwa wieħed mill-ġurnal.
Il-Ministeru jerġa’ jikkonferma li l-ħsarat ġew ikkawżati minħabba manhole tal-ilma tax-xita li ma kinitx magħluqa tajjeb. Il-Ministeru għal Għawdex huwa korrett ukoll meta qed iżomm lill-kuntrattur responsabbli minn din il-ħsara. Tant hu hekk li l-istess kuntrattur qiegħed jagħmel it-tiswijiet meħtieġa għas-spejjeż tiegħu kif huwa stabbilit fl-istess kuntratt tax-xogħlijiet.
Għal skopijiet ta’ korrettezza l-Ministeru għal Għawdex jiċħad li din it-triq infetħet uffiċjalment. Il-ġurnal ħawwad żjara waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet u b’mod żbaljat u skorrett ikkonkluda li kienet il-ftuħ uffiċjali.
Ir-realtà hi li t-Triq tax-Xlendi hija proġett ieħor b’risq il-gżira ta’ Għawdex li eluf ta’ Għawdxin, Maltin u barranin qed igawdu minnu. Gawdew b’mod speċjali għall-ewwel darba s-sidien tal-istabilimenti kummerċjali u residenti tax-Xlendi minn storm water culvert li nbena bħala parti minn din it-triq u li wassal biex ġie evitat l-għargħar sinonimu max-Xlendi fix-xhur tax-Xitwa.
Other Press Releases:
PR262013
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ‘Il-Milied f’Għa...
PR262012