Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. TONIO BORG, VIĊI PRIM MINISTRU U MINISTRU TAL-AFFARIJIET BARRANIN, GĦALL-INAWGURAZZJONI TAL-PILOT BOAT IL-ĠDIDA TAL-MALTA MARITIME PILOTS, IL-BIRGU – IL-ĠIMGĦA 2 TA’ DIĊEMBRU 2011

pr2359
Date Icon 02/12/2011

Kaptan Mifsud
Piloti
Mistiedna distinti
Sinjuri

Huwa ta’ sodisfazzjon li nkun hawn dalgħodu biex flimkien magħkom ninawguraw dan l-investiment il-ġdid mill-Malta Maritime Pilots. 

Pajjiżna għandu rabta intima mal-baħar u l-baħar huwa element integrali fl-identità tagħna bħala pajjiż u bħala poplu. 

Il-baħar għamilna dak li aħna llum.  

Mil-miġja ta’ San Pawl sal-Kavallieri u mill-ħakma tal-Franċiżi sal-Convoy ta’ Santa Marija, il-baħar dejjem kellu rwol importanti fl-istorja tagħna.  U sa din is-sena stess il-baħar poġġiena f’pożizzjoni li nagħtu għajnuna umanitarja mill-aktar importanti fi Frar li għadda meta l-poplu Libjan beda jaħdem biex jikseb id-demokrazija u l-libertà.

Kien ukoll il-baħar li fetħilna beraħ id-dinja tal-kummerċ u tal-esportazzjoni.  Għaqadna ma’ portijiet oħra, ma’ ċentri tal-kummerċ oħra u l-pożizzjoni tagħna malajr fissret li Malta ssir ċentru ewlieni tal-merkanzija bil-Port Ħieles tagħna jsir ċentru reġjonali.  Kien il-baħar innifsu li wassal biex l-ekonomija tagħna tikber tul is-snin.

Għalhekk din il-pilot boat il-ġdida, il-Foxtrot, tixhed mhux biss din ir-rabta antika mal-baħar imma wisq aktar importanti tixhed l-opportunitajiet il-ġodda li l-baħar qiegħed joffri lil pajjiżna. 

Tixhed ukoll id-determinazzjoni, il-bżulija u s-sens intraprenditorjali tal-investitur Malti.  Din il-pilot boat hija ħolqa oħra f’katina sħiħa ta’ inizjattivi li l-koperattiva tal-Malta Maritime Pilots ħadet kemm ilha mwaqqfa.  F’dawn l-aħħar tliet snin il-koperattiva investiet f’pilot boat fl-2009 u f’simulator is-sena li għaddiet - investiment ta’ €2.4 miljun; investiment fil-portijiet tagħna u fl-ekonomija tagħna. 

Dan l-investiment li għamlet il-koperattiva mhux biss qed itejjeb l-operat tagħha stess imma wkoll se jkompli jikkontribwixxi lejn l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna.  Huwa investiment li se jtejjeb l-infrastruttura u s-servizzi fil-portijiet tagħna - portijiet li huma mutur ewlieni tal-ekonomija Maltija kemm permezz tal-merkanzija, xogħlijiet ta’ tiswija, yachting kif ukoll is-settur tal-cruise liners.

Huwa proprju dan is-settur li qiegħed jikber u għandu potenzjal li jkompli jikber li wassal il-koperattiva biex tkompli tinvesti.  Illum qed naraw kaptani ta’ cruise liners barranin ġejjin Malta biex jitħarrġu fuq is-simulator tal-koperattiva u pilot boats li qed jidderieġu aktar bastimenti ġewwa l-portijiet tagħna. 

Sinjuri,

Fl-aħħar snin kabbarna l-attività ekonomika permezz tal-industrija tal-cruise liners.  Fl-ewwel għaxar xhur tal-2011 daħlu 271 cruise liner fil-port tagħna, 39 aktar mis-sena ta’ qabel.  Dawn ġabu magħhom aktar minn 490,000 turist, żieda ta’ 18% fuq is-sena ta’ qabel. 

Dawn ir-riżultati ma ġewx b’kumbinazzjoni.  Aktar vapuri qegħdin jiġu Malta għax jafu l-kwalità għolja tal-infrastruttura tal-portijiet tagħna u tas-servizz tajjeb li noffru.  Nixtieq hawn f’isem il-poplu Malti nirringrazzja lilkom il-piloti kif ukoll lill-operaturi kollha li b’tant dedikazzjoni qed tagħmluna kburin bil-portijiet tagħna.  Is-suċċess tagħna bħala pajjiż huwa frott xogħolkom.

Huma dawn ir-riżultati pożittivi minn numru ta’ setturi li qed iwasslu biex pajjiżna jegħleb il-maltemp ta’ madwaru.  Grazzi għax-xogħol u l-investiment tal-intraprendituri Maltin, l-ekonomija Maltija qiegħda tikber b’rata aktar mgħaġġla mill-medja Ewropea u taż-żona ewro - tkabbir li qiegħed iwassal għal żieda fl-impiegi f’pajjiżna.  Minkejja l-maltemp ekonomiku internazzjonali, għaliex idderiġejna l-vapur sew, komplejna noħolqu aktar postijiet tax-xogħol, l-ETC kellha aktar minn 10,700 vacancy u l-ħaddiema full-time żdiedu b’aktar minn 3,000 f’sena.  Dawn ir-riżultati huma frott tax-xogħol u l-investiment ta’ ħafna operaturi ekonomiċi, fosthom self-employed, sidien ta’ negozji żgħar u medji, l-industrija kif ukoll ta’ koperattivi bħal Malta Maritime Pilots. 

Il-moviment koperattiv, li l-2012 se tkun is-sena internazzjonali ddedikata lilu, baqa’ jikkonsolida ruħu matul dawn l-aħħar snin.  F’Malta hawn ‘il fuq minn 61 koperattiva li fihom madwar 4,700 membru li jikkontribwixxu aktar minn 70 miljun ewro lill-ekonomija - koperattivi li għarfu li biex tkompli tirnexxi u tagħti servizz tajjeb trid tinvesti aktar.

Il-Gvern ukoll qiegħed jinvesti.  Qegħdin ninvestu kemm fis-settur privat biex ninċentivawh ikompli jinvesti u qegħdin ninvestu fil-potenzjal ta’ pajjiżna b’investiment qawwi fl-infrastruttura ta’ pajjiżna.  Il-Gvern fil-budget estenda numru ta’ skemi li qed jgħinu investituri jinvestu fosthom l-iskemi tal-MicroInvest, MicroCredit u l-iskema l-ġdida MicroGuarantee.  L-investitur Malti qed jagħti u għandu kontribut importanti x’jagħti lill-ekonomija Maltija biex ikompli jopera u jkabbar l-operat tiegħu.

Id f’id ma’ dawn l-inizjattivi, il-Gvern qiegħed jinvesti wkoll fl-infrastruttura ta’ pajjiżna għax l-infrastruttura toffri l-qafas biex setturi differenti u l-ekonomija jkomplu jikbru u jimxi ʹl quddiem.  Is-settur marittimu huwa wieħed minn dawk is-setturi li fih qiegħed isir investiment sostanzjali mill-Gvern. 

Sar xogħol intensiv fuq ix‐Xatt ta’ Lascaris biex miegħu jistgħu jorbtu fost l‐akbar cruise liners fid‐dinja. Għaddej b’ritmu tajjeb ukoll ix‐xogħol ta’ tiswija fuq il‐breakwater ta’ Marsaxlokk, filwaqt li beda x‐xogħol ta’ tħejjija fuq id‐Deep Water Quay tal‐Port il‐Kbir. Dan kollu b’investiment ta’ 27.3 miljun ewro.

Għaddej xogħol intensiv ukoll fuq it‐terminal tal‐passiġġieri fiċ-Ċirkewwa, filwaqt li qed isiru l‐pedamenti għat‐toroq interni ta’ madwar it‐terminal, b’investiment totali ta’ 12‐il miljun ewro.  Barra minn hekk, il‐Gvern qed iżomm il‐wegħda tiegħu li jerġa’ jibni l‐lift mix‐Xatt ta’ Lascaris sal‐Barakka ta’ Fuq biex ikun aktar faċli li wieħed jasal fiċ‐ċentru tal‐Belt. Dan il‐proġett, li se jiswa 2.5 miljun ewro, se jkun aċċess importanti u komdu għall-eluf li jżuruna bil‐cruise liners.  Dan minbarra x-xogħol fuq ir-reġistru ta’ bastimenti, li hu wieħed mill-akbar fid-dinja u l-akbar wieħed fl-Ewropa, u l-investiment li qiegħed isir fl-MCAST fl-Istitut Marittimu.

Sinjuri

Bħala pajjiż qed nagħrfu l-opportunitajiet li joffri l-baħar u qed ninvestu fihom.  Il-Gvern, flimkien mal-operaturi fosthom il-Malta Maritime Pilots, qiegħed jinvesti fil-potenzjal ta’ pajjiżna.

Iċ-ċerimonja tal-lum tgħallimna li biex tirnexxi fid-dinja tal-lum, aktar u aktar quddiem il-maltemp, irridu nkomplu ninvestu.

Filwaqt li nixtieq nirringrazzja lil Malta Maritime Pilots li għarfu dan il-messaġġ u qed iwettqu aktar investiment fl-operat tagħhom, nawguralkom aktar suċċessi fil-futur.  Huwa unur għal pajjiżna li jkollna investituri lokali li jagħtu kontribut tant importanti lill-ekonomija Maltija billi jinvestu u joħolqu aktar xogħol. 

Intom kollha protagonisti fit-twettiq tal-viżjoni tagħna u fis-suċċess ta’ pajjiżna.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

More Press Releases Right arrow