DISKORS MILL-ONOR. JASON AZZOPARDI, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAL NEGOZJI ŻGĦAR U ARTIJIET, WAQT IL-KONFERENZA ‘SHAKE UP YOUR BUSINESS WITH WOMEN TECHNOLOGY ENTREPRENEURS’ ORGANIZZATA MILL-FOUNDATION FOR WOMEN ENTREPRENEURS (MALTA) – SAN ĠILJAN
Pajjiżna qed jikseb suċċessi importanti u sbieħ fuq il-livell ekonomiku, tant li xahar fuq xahar, sena wara l-oħra qed jirnexxielna nrażżnu l-qgħad, u nkabbru l-ekonomija billi niġġeneraw iżjed postijiet tax-xogħol. Dan qed nagħmluh fil-kuntest ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika bla preċedent, u maltemp politiku qawwi li jdawwar lil pajjiżna minn kull naħa.
Dawn is-suċċessi għandna nqisuhom b’sodisfazzjon, iżda b’saqajna mal-art. Dawn ir-riżultati mhux qed niksbuhom għax għandna xi garanzija li teżentana mill-inkwiet, jew għax xi ħadd għandu grazzja magħna – anzi. Qed nilħqu l-miri tagħna għax għandna Gvern li għandu politika ekonomika msejsa fuq l-għaqal u s-serjetà, u li għandu l-kuraġġ u d-determinazzjoni li jieħu d-deċiżjonijiet it-tajba – anke jekk mhux dejjem ikunu popolari.
Dawn ir-riżultati ġejjin ukoll mill-qasam tal-imprendituri li bil-ħidma u d-dedikazzjoni tagħkom, intom il-ko-awturi ta’ dawn is-suċċessi. Intom ‘the Unsung heroes’ tal-ekonomija tagħna.
Għax intom tinvestu fluskom, tirriskjaw il-kapital tagħkom, tieħdu r-riskji, tieħdu d-deċiżjonijiet ibsin, tkabbru l-ekonomija, tħallsu t-taxxi, timpjegaw in-nies, u toħolqu x-xogħol.
Jien nieħu sodisfazzjon speċjali meta nżur negozji żgħar, speċjalment dawk l-iżjed żgħar, il-micro, u nara kif bl-għajnuna tal-Gvern ikunu ħadu xi tnaqqis fit-taxxa, jew xi grant biex għamlu proġett, jew self issussidjat biex daħlu għal xi suq ġdid.
Nieħu sodisfazzjon doppju meta niltaqa’ ma’ nisa, li jidħlu fid-dinja tan-negozju bħala imprendituri, u jagħmlu suċċess.
Il-ġimgħa li għaddiet kelli waħda minn dawn l-esperjenzi meta ltqajt ma’ tfajla ta’ 23 sena, li llum ilha tmexxi ħanut tal-moda għal dawn l-aħħar sentejn. Din it-tfajla kienet studenta tal-business studies fl-MCAST, u llum qed tmexxi l-ħanut tagħha f’Birkirkara. Ħolma li dejjem kellha u li issa qed isseħħ. Qaltilna kif dan il-ħanut fetħitu bl-għajnuna tal-iskema tal-Gvern MicroINVEST li fuq €11,000 investiment li wetqet fil-ħanut, hija ħadet tnaqqis fit-taxxa ta’ €4,000. Dawn huma fondi li baqgħu fil-but ta’ din it-fajla, biex tista’ tinvestihom x’imkien ieħor, biex tista’ tkabbar in-negozju tagħha.
Permezz ta’ din l-iskema u ħafna oħrajn, il-Gvern irid ikompli joħloq l-ambjent ideali fejn l-imprendituri tagħna ikomplu jimirħu, u jikbru.
Din is-sena li għadha ma spiċċatx, diġà ħargu 900 liċenzja tan-negozju ġdid. Dan jikkuntrasta ferm mal-1998 meta s-self employed kienu naqsu b’139 kienu ħarġu 388 liċenzja ġdida tal-kummerċ biss. Dan jixhed il-fiduċja li għandhom l-imprendituri Maltin fl-ekonomija, li minkejja l-maltemp, xorta waħda qed jirnexxielna nirbħu l-isfidi.
Fiduċja li hija riflessa fis-suċċess li qed jiskbu l-iskemi tal-Gvern. MicroINVEST - li ġiet estiża għas-sena d-dieħla - sal-aħħar ta’ Ottubru 2011 applikaw total ta’ 707 kumpanija li bejniethom investew mat-€13–il miljun u stmat li talbu madwar €5.5 miljuni fi krediti ta’ taxxa. Minn dawn, madwar 500 applikazzjoni kienu pproċessati u diġà ngħataw €3.3 miljuni fi krediti ta’ taxxa lill-kumpaniji li bejniethom ħolqu kważi 200 impjieg ġdid bl-għajnuna ta’ din l-iskema.
L-iskema MicroGUARANTEE, li ġiet imħabbra ġimagħtejn ilu fil-Budget għall-2012, ser tkun skema ta’ €20 miljun f’garanziji sabiex jingħataw garanziji bankarji fuq self għall-intrapriżi, eżistenti jew ġodda u vijabbli li għandhom bżonn il-kapital biex jinvestu u jaħdmu. Permezz ta’ din l-iskema, il-Gvern ser jidħol garanti sa 90% tal-ammont tas-self li jkollha bżonn l-SME, b’hekk niffaċilitaw is-self mill-banek, u l-aċċess għall-finanzjament.
Din l-iskema ser tmur id f’id ma’ skema oħra li diġà teżisti, il-MicroCREDIT li minnha diġà gawdew 141 negozju ġdid u dawn qed jinvestu €20 miljun fin-negozji tagħhom. L-iskema hija mħaddma mill-BOV u tifforma parti mill-programm tal-Unjoni Ewropea JEREMIE.
Għalhekk tajjeb li nżommu l-impenn tagħna lejn dan il-qasam tant importanti u tant ċentrali għall-ekonomija tagħna. Tajjeb li nibqgħu nirrikonoxxu l-kontribut importanti li inthom tagħtu, u nkomplu nħeġġu iżjed nies jiħlu fid-dinja tan-negozju.
Nawguralkom il-ħidma t-tajba.
Other Press Releases:
PR262012
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...
PR262011