ĦIDMA BIEX JITNEĦĦA L-PERIKLU KKAWŻAT MIL-MALTEMP QAWWI F’GĦAWDEX
Il-maltemp qawwi li ħakem il-gżira Għawdxija matul il-ġurnata tal-bieraħ irriżulta f’ħafna ħsarat fit-toroq madwar Għawdex fejn fost l-oħrajn waqgħu numru ta’ ħitan u nġarret ħamrija u materjal ieħor li f’ċertu każijiet wasslu biex għalqu diversi toroq.
Hekk kif kien possibbli, ħaddiema u makkinarju mid-Direttorat għall-Proġetti u Żvilupp u mid-Direttorat għat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ġew mobilizzati f’ħidma intensiva biex ineħħu materjal li kien ta’ periklu, biex jiftħu t-toroq fejn kien meħtieġ kif ukoll biex isiru tiswijiet f’każijiet urġenti.
Il-ħidma mill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex kienet ikkoordinata mal-ħidma tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex sabiex il-perikli jitneħħew mill-aktar fis possibbli.
Dawn il-ħaddiema komplew bil-ħidma tagħhom sa tard filgħaxija u ssoktaw matul il-ġurnata tal-lum.
Fil-ġranet li ġejjin, ix-xogħol mill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex ser ikompli għaddej permezz ta’ tiswijiet fit-toroq fejn ġrat il-ħsara.
Other Press Releases:
PR262012
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...
PR262011