Left arrow Go Back

STQARRIJA MID-DIPARTIMENT TAL-PROTEZZJONI ĊIVILI B’RISPOSTA GĦALL-ALLEGAZZJONI LI SARET F’RAPPORT LI DEHER FIL-ĠURNAL “ILLUM”

pr2323
Date Icon 30/11/2011

B’referenza għar-rapport li deher fil-Ġurnal “Illum” tas-27 ta’ Novembru 2011, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jħoss xieraq li jiċċara xi punti mqajma f’dan ir-rapport kif gej:

  1. Id-Dipartiment għandu l-obbligu li jħarreġ lill-ħaddiema tiegħu f’diversi sitwazzjonijiet li jfeġġu waqt xi emerġenza. Dan qed jagħmlu b’impenn sħiħ waqt li jittieħdu prekawzjonijiet xierqa biex is-saħħa u s-sigurta tal-ħaddiem tkun imħarsa f’kull waqt.
  1.  Huwa fatt li l-katusi tal-asbetos li hemm preżenti fiż-żona fejn sar it-taħriġ imsemmi huma mgħottijin bil-konkos biex ikollhom ilqugħ mill-elementi klimatiċi u jiġu wkoll trattati b’kimika apposta kull sitt xhur biex tkun minimizzata l-possibilita` ta’ kontaminazzjoni.  Fil-fatt, l-aħħar trattament li ngħataw kien propju sitt ijiem qabel l-ezerċitazzjoni li saret fid-29 ta’ Ottubru 2011 (bl-isem Novex).
  1. Għandu jingħad li jkun iktar riskjuż għas-saħħa u għall-ambjent li kieku wieħed kellu jċaqlaq dawn il-katusi, li kienu diġa ilhom fil-post numru ta’ snin, biex jiddisponi minnhom, milli jħallihom fejn huma u jiġu trattati regolarment kif qed jiġri preżentement.  Barra minn hekk, il-katusi tal-asbestos huma kkunsidrati li joffru inqas perikli għas-saħħa tal-bniedem minn oġġetti oħra li jżommu l-istess materjal f’forma aktar libera, peress li l-asbestos huwa mgħaqqad mal-konkos li jifforma l-istess katusi.
  1. Qabel ma sar l-eżercizzju li jirreferi għalih ir-rapport sar risk assessment mill-uffiċjali tad-Dipartiment biex jiġu identifikati xi perikli li setgħu jinqalgħu waqt l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ simulati li kellhom isiru matul dak il-jum.  Din hija prassi li tigi esegwita qabel kull eżercitazzjoni simili u matulha jigu appuntati safety officers ma’ kull tim preżenti biex jiżguraw li l-prattiċi tas-saħħa u s- sigurtà waqt l-operazzjoni ta’ salvataġġ kienu qed jiġu osservati rigorożament.  Fil-fatt, dak in-nhar, proprju qabel ma beda t-taħriġ, il-kapijiet tat-tims preżenti u s-safety officers ġew mgħajta għal-laqgħa fis-situation room ta’ dan id-Dipartiment fejn ġew spjegati r-riskji preżenti u anke ngħatalhom kopja ta’ dan ir-risk assessment fejn hemm indikat biċ-ċar il-preżenza ta’ katusi tal-asbestos.  Għaldaqstant, it-tims kienu informati bl-aktar mod ċar bil-perikli kollha li setgħu jiltaqgħu magħhom skont prattiċi tas-Saħħa u s-Sigurta fuq l-post tax-xogħol.  Waqt dawn il-laqgħat kien ġie spjegat li ma kellu jsir l-ebda forma ta’ tkissir jew titqib fil-materjal preżenti fil-post ta’ taħriġ imsemmi.  Dan sar biex jiġi evitat kull periklu potenzjali li hu assoċċjat mal-asbestos.  Il-membri li pparteċipaw ngħataw ordni biex jilbsu l-ilbies kollu protettiv, fosthom maskli biex jgħattu s-sistema respiratorja tagħhom.
  1. Ġie nnotat li r-rapport qed jirreferi għall-analiżi li saret f’laboratorju privat fl-14 ta’ Novembru 2011, jiġifieri sittax (16) il-ġurnata wara l-eżerċizzju.  Dan ifisser li l-ilbies protettiv seta’ kien soġġett għall-kontaminazzjoni minn sorsi oħra li ma għandhom l-ebda konnessjoni ma’ dan id-Dipartiment.  Barra minn hekk, iqumu ċerti mistoqsijiet dwar ir-riżultati tal-analiżi miksuba u jekk dawn sarux skont proċeduri u linji gwida li huma stipulati fil-liġi Maltija li wkoll tistabbilixxi min għandu kompetenza biex jagħmel tali analiżi u f’liema ċirkostanzi.  Dan kollu naturalment għandu impatt kbir dwar l-affidabbilita` o meno tar-riżultati li ssemmew fir-rapport.
  1. Irid jiġi sottolinejat li l-boiler suit li ritratt tagħha ntwera bħala parti mir-rapport mhijiex waħda li tintuża mill-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Fi kwalunkwe każ, madankollu, jekk effettivament uffiċjal tad-Dipartiment ħa miegħu d-dar il-boiler suit tiegħu u, eventwalment, ħadha għall-analiżi, kien qed jikser il-prattiċi kollha tas-saħħa u s-sigurta fuq l-post tax-xogħol li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni ċivili. Dan għaliex, minħabba n-natura nnifisha tax-xogħol u l-materjal intrinsikament perikoluż li jħabbtu wiċċhom miegħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, il-membri tad-Dipartiment jiġu mgħallma, sa mill-bidu nett, kif jieħdu ħsieb it-tagħmir protettiv li jingħatalhom.  Issir enfasi li m’għandhomx jeħduhom magħhom id-dar biex ma jikkontaminawx postijiet oħra.  Għal dan l-iskop, inxtraw magni tal-ħasil f’kull stazzjon u jinxtara sapun apposta biex l-ilbies protettiv ikun jista’ jiġi maħsul fl-istess kwartieri tad-Dipartiment.

Minkejja dan kollu, id-Dipartiment xorta waħda qed jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu u, b’effett immedjat, iż-żona msemmija ġiet magħluqa għal kwalunkwe taħriġ jew xogħol sakemm isiru analiżi xierqa minn istituzzjonijiet akkreditati skont il-ligi.  Il-boiler suits tal-ħaddiema tat-taqsima tal-klieb ġew miżmuma f’post sigur biex jittieħdu kampjuni minn fuqhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  FITA: 25 sena ta’ ħidma biex it-teknoloġija tkun aċċessibbli għal kulħadd

PR262012

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI FITA...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

More Press Releases Right arrow