Left arrow Go Back

L-10 EDIZZJONI TAL-GRAND TOUR OF TASTE F’GĦAWDEX

pr0854
Date Icon 04/05/2011

Għawdex ospita madwar 20 ġurnalist li jirrappurtaw f’mezzi tal-midja ewlenin fl-Italja u tliet koki magħrufa Taljani li saqu karozzi tad-ditta Porsche minn Bologna sal-gżira Għawdxija. Dan sabiex jipparteċipaw fl-10 edizzjoni tal-Grand Tour of Taste, inizjattiva meħuda mit-Teatro Arena del Sole ta’ Bologna, li għandu l-għan li jressaq l-ikel tipiku ta’ diversi reġjuni Taljani u ta’ pajjiżi oħra, lejn dawk li jippattronizzaw l-istess teatru.
Wara żjarat f’diversi pajjiżi Ewropej oħra fosthom il-Ġermanja, is-Slovenja, l-Ingilterra u l-Iskozja, din is-sena l-għażla waqgħet fuq il-gżira ta’ Għawdex wara ħidma intensiva mill-Kunsill tal-Belt Victoria b’kollaborazzjoni u appoġġ sħiħ mill-Ministeru għal Għawdex.  B’hekk dawn il-koki, akkumpanjati minn rappreżentanza qawwija tal-midja Taljana fosthom ir-RAI, setgħu jiskopru u jesperjenzaw il-kultura, l-ikel u dak kollu li joffri identità lill-gżira Għawdxija.
Fil-jiem li qattgħu f’Għawdex il-koki u l-ġurnalisti ġew imdawra ma’ diversi lokalitajiet fosthom id-Dwejra, il-Ġgantija, l-Għar ta’ Calypso, il-Belt Victoria, iċ-Ċittadella u x-Xwejni, limiti ta’ Marsalforn. Kellhom l-opportunità li jżuru wkoll diversi restoranti li jispeċjalizzaw fil-kċina lokali b’animazzjoni u spettakli minn gruppi folkloristiċi Għawdxin. Esperjenza partikolari kienet iż-żjara f’forn lokali fejn setgħu jaraw kif isir il-ħobż tradizzjonali Għawdxi.
Waqt serata mtellgħa għall-okkażjoni, il-parteċipanti kienu indirizzati mill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, mis-Sindku tal-Belt Victoria Dr Samuel Azzopardi, mid-Direttur tal-Arena del Sole Bruno Damini kif ukoll minn Direttur tal-Porsche Italia.
Filwaqt li tat merħba lil parteċipanti kollha l-Onor. Giovanna Debono fissret kif il-Ministeru għal Għawdex laqgħa t-talba tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria biex jagħti sostenn għal dan l-avveniment għaliex emmen fil-potenzjal li dan jista’ jkollu fir-reklamar ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika. Hija semmiet inizjattivi u proġetti li twettqu f’Għawdex f’dawn l-aħħar snin, li permezz tagħhom baqa’ jiġi msaħħaħ il-prodott turistiku Għawdxi. Il-Ministru Debono spjegat kif Għawdex hija gżira li toffri attrazzjonijiet turistiċi matul is-sena kollha u kif il-viżjoni eko-Għawdex għandha wkoll potenzjal qawwi li toħloq opportunità ta’ żvilupp fil-qasam tal-eko-turiżmu.
Għal dan l-okkażjoni kien hemm preżenti wkoll l-Ambaxxatur Taljan għal Malta, l-E.T. Efisio Luigi Marras, l-Onor. Frederick Azzopardi Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, rappreżentanti mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex, mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex u minn entitajiet oħra fis-settur turistiku.
Attività oħra f’Għawdex kienet imtellgħa fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi fil-Qala. Dawn il-koki magħrufa f’Bologna u li għandhom restoranti ta’ fama internazzjonali, Ivan Poletti, Mario Ferrara u Andrea Bandiera, taw lezzjonijiet prattiċi lill-istudenti ta’ dan l-istitut. Huma użaw ingredjenti lokali fosthom fniek, ħut, ħxejjex u ħwawar li huma partikolari għal gżira ta’ Għawdex. Filwaqt li kkummentaw li għal ftit sigħat reġgħu ħassew l-entużjażmu ta’ meta snin ilu huma stess kienu studenti f’istitut simili fl-Italja, il-koki sostnew li l-istudenti Għawdxin għandhom il-potenzjal kollu biex ikunu jistgħu joffru l-aqwa ikel tradizzjonali Għawdxi li huwa ingredjent rikk fl-identità ta’ Għawdex.
Fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, dawn it-tliet koki mgħejjuna minn erba’ koki oħra, ser jippreżentaw is-Serata di Gola, pranzu gala bi platti tipiċi Għawdxin. Barraminhekk, matul l-istaġun teatrali ta’ dan is-sajf, dawk li jippatronizzaw it-teatru ser ikollhom ta’ kuljum l-opportunità li jesperjenzaw l-ikel Għawdxi  li dawn l-istess koki jridu jħejju għal wara r-rappreżentazzjoni teatrali, waqt attività magħrufa bħala Dopoteatro con gli Chef. Fost il-ġurnali prominenti li mistennija jippromwovu dan l-avveniment hemm dawk tar-RAI, Canale 5, L’Espresso, Panorama Travel, Repubblica Viaggi, Style–Corriere della Sera u La Madia Travelfood.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow