STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet
Żewġ artijiet f’Pembroke se jingħataw lill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke sabiex jiġu żviluppati f’żoni ta’ rikreazzjoni, kif ukoll dog park, permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet, li se jippermetti lill-komunità lokali tgawdi minn aktar spazji miftuħa u ta’ rilassament għall-familja.
Il-ftehim jinkludi żewġ siti, wieħed fi Triq Sant’ Andrija, li jkopri żona ta’ madwar 8,831 metru kwadru, u ieħor fi Triq Martin Luther King, li jkopri żona ta’ madwar 4,705 metru kwadru.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici qal: “Permezz ta’ dan il-ftehim qed nagħtu ħajja ġdida lil dawn iż-żewġ artijiet f’Pembroke, sabiex ikunu jistgħu jservu direttament lill-komunità. Nemmen bis-sħiħ li l-art pubblika għandha tintuża bl-aħjar mod possibbli, u fejn ikun hemm opportunità, għandha tingħata lill-kunsilli lokali biex jinvestu fi proġetti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Dan il-proġett se joffri aktar spazju għar-rikreazzjoni, għall-familji u għall-annimali domestiċi, u huwa eżempju konkret ta’ kif il-ħidma bejn il-Gvern u l-kunsilli lokali tista’ twassal għal benefiċċji tanġibbli għall-komunità.”
Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-ftehim jirrifletti l-impenn tal-Gvern li jkompli jagħti valur lill-art pubblika billi jara li din tintuża b’mod li jħalli benefiċċju konkret għall-komunitajiet. “Il-Gvern jemmen li l-investiment fil-komunitajiet jibda billi nagħtu lin-nies postijiet fejn jistgħu jiltaqgħu, jirrilassaw u jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien. Għalhekk, irridu nkomplu naħdmu id f’id mal-Kunsilli Lokali biex artijiet pubbliċi jinbidlu fi spazji li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies,” qalet il-Ministru filwaqt li żiedet tgħid li inizjattivi bħal dawn juru l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali, sabiex il-ħtiġijiet tal-komunitajiet jingħataw prijorità u l-investiment pubbliku jwassal għal titjib konkret fil-lokalitajiet.
Is-Sindku ta’ Pembroke, Kaylon Zammit stqarr, “Bħala Kunsill Lokali, wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħna huwa li niżguraw li l-ispazji miftuħa fil-lokalità jkunu mħarsa u attrezzati kif xieraq, sabiex ikunu jistgħu jitgawdew bl-aħjar mod mir-residenti tagħna. Huwa għalhekk li, b’kollaborazzjoni mal-entitajiet ikkonċernati, ħdimna sabiex jinbeda l-proċess ta’ devoluzzjoni ta’ żewġ artijiet, li flimkien ikopru aktar minn 13,000 metru kwadru, favur il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill se jkun jista’ jwettaq żewġ proġetti komunitarji importanti: Dog Park u żona attrezzata għall-BBQs. Dawn huma żewġ proġetti li nemmen li se jħallu impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħna, kif ukoll ta’ dawk fil-lokalitajiet tal-madwar. Dan huwa pass ieħor fl-impenn tagħna li nkomplu noħolqu spazji miftuħa, aċċessibbli u attrezzati għall-benefiċċju tal-komunità kollha.”
Il-proġett se joffri wkoll spazju apposta għall-klieb u għal dawk li jħobbu l-annimali, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-kontribut ta’ Pembroke bħala lokalità li qed tkompli tinvesti f’ambjent aktar inklużiv, aċċessibbli u favur il-familji.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella, kif ukoll is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Pembroke Crystal Degabriele.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003