DISKORS TAL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAL-AŻMA – FLORIANA – IT-TLIETA, 03 TA’ MEJJU 2011
L-Għodwa t-tajba u grazzi tal-istedina.
L-ażma hija kundizzjoni mhux marda. Ħafna drabi, sfortunatament, kundizzjoni m’għandiex fejqan. Trid titgħallem tgħix biha. Għalkemm l-ażma ma tistax tiġi mfejqa, bil-kura tajba u billi tieħu ħsieb u tevita dawk l-affarijiet li jistgħu jagħtuk attakk, tista’ tikkontrolla l-ażma u tgħix ħajja tajba.
Kull bniedem huwa differenti u spiss, dak li jqabbad attakk tal-ażma lil persuna ma jfissirx li se jaffettwa lil ħaddiehor bl-istess mod. L-ażma hija relatata ma’ kundizzjonijiet ta’ allerġija, ekżema u hay fever u dan huwa żmien tas-sena fejn nisimgħu aktar b’dawn l-allerġiji.
Hemm bosta fatturi ambjentali li jikkawżaw l-iżvilupp tal-ażma. Il-fatt li pajjiżna huwa gżira żgħira esposta għar-riħ u t-trabijiet ma tantx hija aħbar tajba għal min ibati mill-ażma. L-ambjent tad-dar, id-dieta u l-istil ta’ ħajja li ngħixu wkoll huma aspetti oħra tal-ħajja moderna li jistgħu jkunu kawża ta’ din il-kundizzjoni jew jaffettwaw lil min ibagħti minnha.
Nafu wkoll li hemm rabta diretta bejn it-tipjip u l-ażma. Tipjip waqt it-tqala jżid iċ-ċans li t-tarbija jkollha l-ażma. Skond il-Life Style Report tal-Health Interview Survey li sar fl-2008, ir-rata tat-tipjip f’pajjiżna naqset minn 23% (fl-2002) għal 20% fl-2008. Dan huwa pass pożittiv ‘il quddiem iżda xorta fadlilna fejn naħdmu aktar. Dan nistgħu nagħmluh aktar permezz tal-edukazzjoni kif ukoll tar-riċerka, iżda nemmen ukoll li nistgħu nimxu aktar il-quddiem permezz ta’ dak li jissejjaħ “empowerment”.
Huwa fatt magħruf fid-dinja medika tal-lum li bosta kundizzjonijiet jiġu kkontrollati aħjar għaliex il-persuni li jbatu mill-kundizzjonijiet partikolari qed jieħdu f’idejhom ir-riedni tal-kundizzjoni. Dan jista’ jsir biss jekk ikun hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn l-ispeċjalisti, it-tobba, l-infermiera, il-fiżjoterapisti u l-professjonisti kollha sabiex kull min għandu kundizzjoni jkun infurmat tajjeb fuqha. Dan iwassal sabiex kull individwu jkun jista’ jieħu deċiżjonijiet li jtejbu l-istat ta’ saħħtu u l-kwalità ta’ ħajtu. Dan japplika għall-ażma, għad-dijabete u diversi kundizzjonijiet oħrajn.
L-4 ta’ Mejju hija l-ġurnata dinjija tal-ażma. Din is-sena l-attenzjoni hija fuq il-fatt li kull ażmatiku jista’ jikkontrolla din il-kundizzjoni – “You can control your asthma”. Saru ħafna żviluppi fil-qasam tal-ażma permezz ta’ titjib fil-mediċini, studji kontinwi mit-tobba u professjonisti – sar ħafna iżda fadal xi jsir. Fl-Isptar Mater Dei, fil-futur qarib, se jibda jingħata servizz ta’ Pulmonary rehabilitation mid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija biex l-ażmatiċi jagħrfu kif jistgħu jgħixu ħajja normali bla restrizzjonijijet.
Nawgura li din l-inizjattiva tal-lum twassal mhux biss biex ikun hawn aktar għarfien fost dawk li għandhom il-kundizzjoni tal-ażma, iżda b’mod partikolari dawk li jgħixu magħhom sabiex jagħrfu l-importanza li jingħata aktar sapport.
B’mod partikolari nagħmel kuraġġ lil ġenituri u l-għalliema sabiex jinkoraġġixxu t-tfal li għandhom l-ażma sabiex jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba b’għażliet għaqlin tal-ikel u bil-preżenza kostanti u effettiva tal-eżerċizzju.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en