DISKORS TAL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT IL-KONFERENZA FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI GĦALL-IĠENE TAL-IDEJN – L-ISPTAR MATER DEI, IT-TNEJN 2 TA’ MEJJU 2011
Komplew jonqsu r-rati tal-MRSA
Huwa bi pjaċir tiegħi li qiegħed hawn illum, ġewwa l-isptar Mater Dei, sabiex inniedi ġimgħa ta’ attivitajiet mill-Infection Control Unit li jilħqu l-qofol tagħhom fil-5 ta’ Mejju li huwa l-Jum Dinji għall-iġene tal-idejn.
Kemm-il darba kelli l-okkażjoni nisħaq fuq l-importanza ta’ prevenzjoni tal-infezzjonijiet ġewwa l-isptarijiet tagħna kif ukoll il-bżonn li kull tabib, infermier jew paramediku jipprattika l-iġene tal-idejn kemm qabel ma jkun ser jeżamina jew jikkura pazjent kif ukoll wara – u dan jagħmlu għal kull pazjent. Kif tfiehem l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, dan jista jsir bil-ħasil b’sapun u ilma, jew aħjar, permezz ta’ alcohol hand rub. B’hekk dawk l-istess idejn ma jservux biex ixerdu mikrobi minn pazjent għal ieħor.
Huwa għalhekk ta’ sodisfazzjon li naqra fir-rapport annwali tal-Infection Control Committee li, f’temp qasir ta’ sena minn mindu tnediet il-Healthcare Infection Prevention Initiative, l-iġene tal-idejn ġewwa l-Isptar Mater Dei aktar minn irduppjat minn dik li kienet fl-2009 u t-targets għall-2010 ġew milħuqa u anke maqbuża!
Dan it-titjib sar fil-professjonijiet kollha u ta’ dan nixtieq nirringrazzjahom u nifirħilhom. Bħal dejjem, ikollok individwi, professjonijiet u swali li jagħmlu titjib qawwi u oħrajn fejn dak it-titjib ma kienx forsi daqs kemm mixtieq. Nixtieq inħeġġeġ lil min ma laħaqx it-targets. M’hemm l-ebda skuża biex l-iġene tal-idejn ma jsirx, speċjalment meta hija daqstant importanti għas-saħħa tal-pazjenti tagħna. L-Isptar Mater Dei għandu l-faċilitajiet kollha meħtieġa għal dan il-għan kif ukoll edukazzjoni u taħriġ kontinwu sabiex infakkru kull tabib, infermier u paramediku fuq dan l-obbligu lejn il-pazjenti tiegħu.
Fil-każijiet fejn livelli ta’ eċċelenza ġew milħuqa huwa mistħoqq li dan jiġi rikonoxxut. Għaldaqstant huwa ta’ pjaċir għalija li nifraħ lid-diriġenti, l-infermiera u t-tobba ta’ Orthopaedic Ward 3 li kellhom l-ogħla rata tal-iġene tal-idejn tul is-sena li għaddiet. Minn mijiet ta’ osservazzjonijiet li saru, nstab li din is-sala laħqet perċentwal impresjonanti ta’ 78%. Meta tqis il-pressjonijiet tax-xogħol f’sala daqstant attiva, dan huwa riżultat ta’ min verament ifaħħru. Irrid ukoll nifraħ lis-sala Cardiac Surgical Ward li rnexxielha turi l-aħjar titjib fl-iġene ta’ l-idejn bejn l-ewwel u t-tieni nofs tas-sena l-oħra.
Permezz ta’ dan it-titjib u attivitajiet oħrajn li jindirizzaw l-użu tal-antibijotiċi, sar titjib għal sena oħra fir-rata ta’ infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, speċjalment f’każijiet serji ta’ MRSA fid-demm li komplew jonqsu.
Waqt li qiegħed nitkellem fuq l-MRSA, ma nistgħax ukoll ma nsemmix kisba kbira oħra li saret ġewwa l-ITU. Dan id-dipartiment għadu kif iċċelebra 500 ġurnata mingħajr każ wieħed ta’ MRSA fid-demm. Għal sala li tieħu ħsieb pazjenti daqstant morda u akuti, dan ir-riżultat huwa tassew xiehda tal-professjonalità tal-ħaddiema ġewwa fih kif ukoll it-teamwork kontinwu bejniethom u bejn l-Infection Control Unit.
Nikkonkludi b’kumment wieħed. Dawn huma kisbiet ta’ min ikun verament kburi bihom iżda huma biss l-ewwel pass fil-battalja, u hija battalja, kontra l-mikrobi bħal MRSA li jikkawżaw infezzjonijiet fl-isptarijiet tagħna. Żġur li ma nistawx nieqfu hawn u għad fadal ħafna xi jsir. Għaldaqstant jiena ninkoraġġixxi u nkompli nħeġġeġ tobba, infermiera, u paramediċi, kemm hawnhekk fl-isptar Mater Dei kif ukoll fl-isptarijiet kollha pubbliċi u privati, sabiex iżidu l-attenzjoni tagħhom għall-iġene tal-idejn u l-użu korrett ta’ l-antibiotiċi ħalli ir-riskji ta’ dawn l-infezzjonijiet għall-pazjenti tagħna nkomplu nnaqqsuhom għal livelli dejjem aħjar.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en