Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, DWAR IL-HAND AWARENESS DAY, QAWRA – IT-TLIETA 19 TA’ APRIL 2011

pr0783
Date Icon 19/04/2011

L-Għodwa t-tajba,

Din hija it-tielet sena konsekuttiva li qed tiġi organizzata l-Hand Awareness Day. Din l-attività bdiet tiġi organizzata bl-inizjattiva tad-dipartiment ta’ l-Occupational Therapy fl-isptar Mater Dei u b’kollaborazzjoni sħieħa mal-Awtorità Maltija għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax- Xogħol (l-OHSA).

L-għan ta’ din l-attività huwa li titqajjem kuxjenza fost il-ħaddiema u l-pubbliku in-ġenerali biex jiġu evitati l-inċidenti tal-id u d-driegħ. Dawn l-inċidenti għandhom implikazzjonijiet serji fuq l-aspett fiżiku, psikoloġiku u finanzjarju tal-ħaddiema involuti u l-familjari tagħhom. Fil-fatt bosta huma dawk il-ħaddiema li kawża ta’ dawn l-inċidenti ikollhom jibdlu x-xogħol tagħhom, u xi wħud saħansitra ma jkunux jistgħu jibqgħu jaħdmu.

Wieħed irid jikkunsidra wkoll l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ dawn l-inċidenti, kemm fuq l-individwu konċernat, kif ukoll fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Dan kemm f’termini ta’ produttività, jiġifieri telf ta’ ġranet ta’ xogħol, benefiċċji soċjali, kif ukoll spejjeż involuti fil-kura u r-rijabilitazzjoni tal-ħaddiema li jsofru mill-inċidenti ta’ l-id.

Kull ma jmur jidher li qed titqajjem kuxjenza fuq il-postijiet tax-xogħol dwar dawn l-inċidenti. Matul is-sena 2009 kien hemm elf, erba mija u sitta u erbgħin (1,446) inċident fuq il-post tax-xogħol li jinvolvu l-pala ta’ l-id. Dawn jammontaw għal madwar tmienja u għoxrin (28) inċident kull ġimgħa. B’sodisfazzjon nirrimarka li matul l-2010 kien hemm tnaqqis sostanzjali f’dawn l-inċidenti. Fil-fatt ġew irrappurtati elf u tmienja u sittin (1,068) inċident ta’ dan it-tip li jammontaw għal madwar wieħed u għoxrin (21) każ fil-ġimgħa. Dan ifisser li matul is-sena li għaddiet kien hemm tnaqqis ta’ sitta u għoxrin fil-mija (26%).

Jidher li l-isforzi li qed isiru kemm mill-professjonisti tas-saħħa involuti fil-kura ta’ dawn il-pazjenti, konsulenti, occupational therapists, physiotherapists, tobba u infermiera, kif ukoll l-impenn ta’ l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol qed iħallu l-frott mixtieq.

Madanakollu, tibqa’ dejjem il-ħtieġa li jittieħdu dawk il-miżuri kollha li suppost jittieħdu biex jitnaqqsu r-riskji ta’ korriment fl-id.  Dan mhux biss fil-kuntest li l-ħaddiema jistgħu jweġġgħu jew saħansitra jitilfu ħajjithom, imma wkoll għaliex ħafna drabi dawn il-ħaddiema għandhom familja li tiddependi fuqhom – finanzjarjament u emozzjonalment. Is-sena l-oħra kien ħareġ profil ta’ dawn il-ħaddiema li jweġġgħu idejhom fuq il-post tax-xogħol. Bosta kienu rġiel ta’ bejn l-ħamsa u għoxrin (25) u l-erbgħa u tletin (34) sena, u  jaħdmu f’impjieġ fiss. Ħafna minnhom b’familji bi tfal ċkejknin. Hija ħasra li ħafna drabi dawn l-inċidenti jseħħu b’nuqqas ta’ ħsieb jew attenzjoni u għaliex persuni ma jilbsux ilbies protettiv.

Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lid-Dipartiment ta’ l-Occupational Therapy f’ Mater Dei u l-Awtorità Maltija Għas-Saħħa u Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol ta’ din l-inizjattiva u tal-ħidma fejjieda li qed jagħmlu f’dan il-qasam.

Saħħa u Grazzi

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow