Left arrow Go Back

It-tielet sena ħidma tal-Ministeru għal Għawdex

pr0764
Date Icon 16/04/2011

‘L-objettivi ewlenin tal-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex huma primarjament indirizzati biex ikomplu joffru kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar fuq il-gżira ta’ Għawdex.’ Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono meta kienet qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat rendikont ta’ dik li kienet it-tielet sena ħidma tal-Gvern f’Għawdex. Il-Ministru spjegat kif l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex matul is-sena li għaddiet baqa’ jirriżulta fi proġetti li komplew itejbu s-servizzi u l-infrastruttura f’Għawdex għal benefiċċju tal-Għawdxin kif ukoll ta’ bosta Maltin u barranin li jżuru lil Għawdex kull sena.

It-tielet sena ħidma f’Għawdex kienet karatterizzata mill-inawgurazzjoni ta’ żewġ proġetti ewlenin li tejbu konsiderevolment is-servizzi fl-oqsma rispettivi. Dawn kienu jinkludu l-inawgurazzjoni ta’ skola sekondarja tas-subien kif ukoll l-inawgurazzjoni ta’ Dipartiment tar-Radjoloġija ġdid fi ħdan l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Minbarra dan il-Ministeru għal Għawdex kompla jwettaq diversi proġetti li huma ko-finanzjati minn fondi Ewropej u li permezz tagħhom qed jiġi assigurat li ‘Għawdex jiġi allokat 10% tal-fondi li jmissu l-pajjiż mill-Unjoni Ewropea sabiex jintużaw għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku tal-gżira’. Din il-ħidma tinkludi fost l-oħrajn proġetti li permezz tagħhom:

·         jiġu mtejba l-ħiliet u l-abiltajiet tal-ħaddiema Għawdxin biex b’hekk jiġu mnaqqsa l-effetti negattivi fis-suq tax-xogħol;

·         jiġu provduti servizzi tas-saħħa ġodda u tal-aqwa kwalità f’Għawdex;

·         tkompli tiġi msaħħa l-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin f’diversi programmi edukattivi ma’ sħabhom f’pajjiżi oħra Ewropej;

·         jiġu promossi skambji kulturali u edukattivi bejn lokalitajiet Għawdxin u oħrajn Ewropej li permezz tagħhom tiġi promossa wkoll l-identità Għawdxija;

·         ittejjeb dejjem aktar l-ambjenti ta’ madwar il-gżira kemm permezz ta’ tisħiħ infrastrutturali qawwi fit-toroq kif ukoll permezz ta’ titjib strutturali fi spazji rikreattivi għall-familji;

·         bosta residenti  u stabilimenti Għawdxin jipparteċipaw fi skemi li joffru għajnuna finanzjarja biex dawn iwettqu titjib fl-istabilimenti tagħhom u fis-servizzi li joffru jew inkella biex dawn jadottaw sistemi ta’ enerġija alternattiva u inizjattivi ambjentali oħra.  

Il-Ministru Debono spjegat kif l-amministrazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex ġiet irristrutturata sabiex illum huwa ‘f’pożizzjoni aħjar li jilqa’ l-isfidi tal-futur’. It-twaqqiftad-direttorat għal ‘Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali’ ser jiffaċilita l-ħidma relatata mal-pjan ta’ azzjoni dwar eko-Għawdex filwaqt li d-direttorat ġdid għat-‘Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku’ ser jindirizza b’mod aktar dirett il-promozzjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta. Tul il-konferenza għall-istampa l-Onor. Giovanna Debono tat dettalji dwar proġetti ewlenin li twettqu matul din is-sena filwaqt li tkellmet ukoll dwar proġetti li nbdew jew li ser jinbdew matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Edukazzjoni

Hija spjegat kif l-inawgurazzjoni tal-iskola sekondarja ġdida għas-subien fissret it-twettieq ta’ proġett li sewa investiment ta’ €8miljun b’risq tfal u studenti żgħażagħ f’Għawdex. Minn din is-sena 750 student kellhom opportunità li jattendu fi klassijiet spazjużi, f’laboratorji attrezzati b’apparat modern fosthom apparat elettroniku u tekniku li kabbar l-opportunitajiet ta’ tagħlim u ħiliet li jistgħu jiksbu dawn l-istudenti. Matul din is-sena ser ikun finalizzat ix-xogħol marbut mat-tkomplija tal-grownd f’din l-iskola li ser jinkorpora wkoll żieda ta’ 240 fil-parkeġġ. Il-Ministru fissret kif minkejja l-investiment qawwi li sar fl-iskola l-ġdida, il-Ministeru wettaq xogħlijiet oħra li komplew itejbu l-faċilitajiet fl-iskejjel kollha f’Għawdex filwaqt li studenti Għawdxin f’Malta baqgħu jingħataw għajnuna addizzjonali minbarra l-istipendju li jingħata fuq bażi nazzjonali.

Saħħa

Il-Proġett tat-twaqqif ta’ Dipartiment tar-Radjoloġija ġdid fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex  beda joffri servizzi ġodda filwaqt li ġew imtejba konsiderevolment dawk is-servizzi li kienu jingħataw qabel. L-apparat tac-CT Scanning huwa wieħed mill-aktar moderni li saħħaħ b’mod qawwi s-servizzi f’Għawdex filwaqt li naqqas il-pressjoni fuq l-isptar Mater Dei. Dan ukoll għal benefiċċju ta’ pazjenti Għawdxin li qabel kien ikollhom imorru għal dawn it-testijiet f’Malta. In-nisa Għawdxin qed jipparteċipaw b’mod sħiħ fin-National Breast Screening Programme. Dan ukoll kien servizz li qabel ma kienx possibbli li jingħata f’Għawdex. Dan il-proġett tejjeb bil-bosta s-servizzi ta’ x-rays u testijiet oħra.

Il-Ministru Debono qalet li l-proġett tad-Dipartiment tar-Radjoloġija huwa parti minn proġett akbar li jinkorpora r-ristrutturar tat-tieni sala tal-operazzjonijiet ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Ix-xogħol fuq din is-sala nbeda u hu mistenni li qabel tmiem din is-sena t-tieni sala tal-operazzjonijiet tibda tintuża filwaqt li s-servizzi fl-isptar ta’ Għawdex ser ikomplu jiġu msaħħa permezz ta’ ristrutturar fis-sala tad-dentistrija u pavimentar tal-kuriduri bil-madum.

Il-qasam tas-saħħa f’Għawdex ibbenefika wkoll minn investiment ta’ madwar €1.5miljun biex ġiet imsaħħa s-sistema elettronika li tippermetti li riżultati miksuba permezz tal-apparat diġitali fl-isptar f’Għawdex ikunu jistgħu jinqraw mill-isptar Mater Dei u viċi versa. Għadu għaddej aktar xogħol biex ikunu aċċessibbli bl-istess mod riżultati ta’ testijiet mill-laboratorji fiż-żewġ sptarijiet kif ukoll ir-riferimenti tal-konsulenti għal testijiet speċifiċi.

Matul it-tielet sena ħidma ġiet implimentata l-iskema tal-Ispiżjar tal-għażla Tiegħek li minnha qed jibbenefikaw madwar 8000 persuna Għawdxija.

Infrastruttura

Il-Ministru Giovanna Debono semmiet ukoll kif matul it-tielet sena ħidma ġie konsolidat ix-xogħol kollu li sar fuq il-bini mill-ġdid ta’ numru ta’ toroq li komplew isaħħu l-infrastruttura f’Għawdex. Waslu fil-fażijiet finali x-xogħlijiet fuq it-Triq Ta’ Pinu, dik tax-Xlendi u dik tad-Dwejra filwaqt li ġew finalizzati dawk fit-triq tar-Ramla. Wara li saret parti oħra mit-triq li mill-Imġarr tagħti għax-Xewkija issa ser jibda x-xogħol mix-Xewkija sar-Rabat. Triq oħra li dalwaqt jibda x-xogħol fuqha hija Triq Franġisk Portelli f’San Lawrenz.

Sal-aħħar tas-sena mistennija jkunu lesti wkoll ix-xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni tal-Villa Rundle biex b’hekk dawn il-ġonna jerġgħu jinfetħu għat-tgawdija tal-publiku b’ambjent isbaħ u aktar akkoljenti.Sadanittant ser jibda x-xogħol fl-inħawi magħrufa bħala ż-Żewwieqa biex b’hekk dan il-post li jilqa’ lil kull min jasal Għawdex jiġi msebbaħ b’mod estensiv.

Turiżmu u wirt storiku

L-Onor. Giovanna Debono spjegat kif is-sit storiku taċ-Ċittadella qatt ma ingħata attenzjoni daqs kemm ingħata f’dawn l-aħħar snin. It-tielet sena ħidma rat il-finalizzazzjoni tal-masterplan dwar iċ-Ċittadella. Dan huwa għodda valida li ser ikun ukoll gwida fl-użu u t-tmexxija ta’ dan is-sit ta’ valur storiku imprezzabli għal Għawdex. Il-Ministru fissret kif fix-xhur li ġejjin ser ikompli l-proċess li jrid iwassal għall-implimentazzjoni ta’ wħud mill-proposti suġġeriti minn dan l-istudju. Fost l-interventi prinċipali hemm il-kambjament tal-ġibjun qadim ta’ l-ilma f’ċentru tal-viżitaturi attrezzat b’mezzi awdjo viżivi mill-aktar moderni, it-tisbiħ tal-pjazza tal-Katidral u l-passaġġi interni kif ukoll restawr tal-faċċati tal-binjiet li huma proprjeta tal-Gvern. Sadanittant għaddej ix-xogħol ta’ restawr tas-swar b’investiment ta’ €7miljun.

Filwaqt li fakkret kif l-aħħar baġit kien jinkludi għall-ewwel darba allokazzjoni ta’ €500,000 biex tintuża mill-Ministeru għal Għawdex fir-reklamar tal-gżira. Waħda mill-inizjattivi li ser jittieħdu hemm dik marbuta ma’ kampanja publiċitarja fil-qasam tad-diving wara s-suċċess li kampanja simili kellha xi snin ilu. Għaldaqstant qed jiġu wkoll msaħħa l-faċilitajiet għall-għaddasa u sal-aħħar ta’ din is-sena ser ikunu nbiddlu s-slielem kollha li jagħtu aċċess għas-siti tal-għadds madwar Għawdex.

Huwa ppjanat ukoll li tiġi stabilita  rotta għall-mixi madwar il-kosta ta’ Għawdex minn Daħlet Qorrot għal Wied il-Mielaħ. Fl-istess waqt ser tiġi stabilita Heritage Trail fix-Xagħra li ser tkun tinkludi siti storiċi bħal ma’ hu dak uniku tal-Ġgantija li għandu wkoll l-għan li jattira niċeċ speċifiċi bħal ma hu t-turiżmu kulturali.

Eko-Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex irreferit ukoll għal dik li hija spjegat bħala ħidma intensiva biex jintlaħaq l-għan ambizzjuż tal-viżjoni eko-Għawdex. Fissret kif matul din is-sena bdew jitwettqu aktar minn nofs il-proposti tal-pjan ta’ azzjoni dwar eko-Għawdex  u kif din is-sena ser tkompli aktar ħidma biex jitwettqu aktar proposti.  

Il-Ministru elenkat numru ta’ inizjattivi li twettqu jew bdew jitwettqu filwaqt li spjegat kif dawn jolqtu diversi setturi fosthom l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija alternattiva, il-qasam soċjali, l-agrikoltura, it-turiżmu u l-wirt kulturali u storiku.

Proġetti ewlenin kienu jinkludu l-bidu ta’ proċess biex il-Farm tal-Gvern f'Għawdex isir Ċentru għar-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni.

Tnaddfu ilqugħ tal-ilma fil-Wied ta’ Żejta u fil-Wied ta’ Marsalforn li żiedu l-ħażna tal-ilma tax-xita b’madwar 18,500 metru kubu. Matul din is-sena se jkompli tindif simili f’widien oħra madwar Għawdex.

Beda xogħol fuq il-ħolqien ta’ spazji b’aktar siġar fejn diġà tħawlu numru ta’ siġar f’estensjoni ta’ ġnien fuq ir-riħ tal-port tal-Imġarr filwaqt li riesaq fi tmiemu x-xogħol fuq park ieħor f’Marsalforn u qed jiġi proġettat xogħol f’sit ta’ afforestazzjoni ieħor fin-Nadur. Sar ftehim mal-ELC li jkopri l-manutenzjoni ta’ roundabouts madwar Għawdex kollu f’perjodu ta’ tlett snin.

Ġew mnedija skemi li permezz tagħhom ser jibda x-xogħol fuq 18-il proġett minn diversi Kunsilli Lokali  u Kumitati Amministrattivi u 38 inizjattiva jew proġett minn numru ta’ għaqdiet mhux governattivi. Dawn ser jibbenefikaw minn massimu ta’ €70,000 kull proġett u €50,000 kull inizjattiva rispettivament u kollha huma marbuta mal-pjan ta’ azzjoni eko-Għawdex.  Fi skema oħra li kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’pajjiżna ġew sottomessi 120 abbozz minn 64 artist lokali. Minn dawn l-abbozzi ser jintagħżlu dawk li għandhom potenzjal li jinħadmu fuq skala akbar u jitpoġġew f’siti u postijiet oħra madwar Għawdex.

Ix-xogħol

Il-Ministru għal Għawdex spjegat ukoll kif il-Gvern jagħti importanza lil qasam tax-xogħol f’Għawdex u jindirizza miżuri li jagħtu vantaġġ f’dan ir-rigward.

Matul l-aħħar tlett snin 723 persuna sabu mpjieg f’Għawdex permezz ta’ skemi tal-ETC li taw ukoll vantaġġ lill-employers Għawdxin.

Saru korsijiet li matulhom 100 persuna tejbu l-ħiliet tagħhom f’lingwi barranin filwaqt li 25 oħra qegħdin fi proċess li jiksbu Baċellerat fit-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni, Studji Turistiċi u Ekonomija.

Studju li jinsab fil-fażi finali tiegħu li ġie msejjaħ il-Human Resource Strategy for Gozo ser jgħin fost l-oħrajn biex jiġu ndividwati setturi li jistgħu jkollhom potenzjal li jattiraw xogħol b’valur miżjud f’Għawdex.

Il-Ministru ħabbret li minn Ottubru li ġej ser jerġa jiġi offrut kors ta’ sentejn li jwassal għall-diploma in Facilitating Inclusive Education li permezz tiegħu LSA’s Għawdxin ser ikunu jistgħu jsegwu dan il-kors f’Għawdex stess.

‘Nistgħu ngħidu li t-tielet sena ta’ ħidma kienet sena oħra li żiedet bosta ħoloq oħra f’katina ta’ ħidmiet li kompliet tibni fuq dak li sar qabel filwaqt li ħejjiet il-pedamenti għal dak li hemm ippjanat fis-snin li ġejjin’ qalet l-Onor. Giovanna Debono fi tmiem id-diskors tagħha. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow