INFORMAZZJONI FUQ VARI FIL-WIRJA FIL-PALAZZ TA’ SANT’ANTON INAWGURATA MILL-E.T. IL-PRESIDENT GEORGE ABELA
Id-devozjoni lejn il-passjoni, il-mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu f’pajjiżna hija waħda antika ħafna. Jidher li sa minn żmien l-ewwel Kristjani kienu diġà qegħdin iħarsu lejn is-salib bħala l-iktar simbolu li jagħraf ir-reliġjon tagħna. Dan nafuh minn graffiti li nstabu f’diversi katakombi. Fl-Abatija tad-Dejr fir-Rabat ta’ Malta nstabet forsi l-eqdem xbieha impittra ta’ Ġesù Msallab f’pajjiżna. Din hija pittura tal-bidu tas-seklu ħmistax.
Promoturi ewlenin tad-devozjoni lejn il-passjoni ta’ Kristu kienu l-patrijiet Franġiskani li bħall-fundatur tagħhom San Franġisk ta’ Assisi marru fl-art imqaddsa biex jieħdu ħsieb dawk l-imkejjen tant għeżież għall-Insara. Kull fejn marru dawn il-patrijiet xerrdu d-devozjoni u hekk għamlu f’pajjiżna fejn naraw li fil-knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat ta’ Malta kienet diġà qiegħda tiġi organizzata forma ta’ purċissjoni tal-passjoni ħafna qabel il-wasla tal-Kavallieri f’Malta. Din id-devozjoni u tradizzjoni naraw li bdiet tixxered ma’ Malta u Għawdex. Fil-purċissjonijiet kienu jintużaw numru ta’ vari li jirrappreżentaw il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù Kristu.
Fil-bidu dawn l-istatwi kienu jkunu manikin imlibbes bid-drapp. Iktar tard naraw li dawn bdew jinħadmu fil-kartapesta. Biż-żmien żviluppaw ukoll vari skolpiti fl-injam. Il-vari tal-kartapseta kien jiħtiġilhom ħafna tiswija mill-ħsara li kienet tkun ikkawżata jew minn maniġġar ħażin jew minn xi xita li xi kultant il-purċissjoni tinqabad fiha, jew inkella mill-fatt li minħabba l-kwantità ta’ vari ma kienx ikollhom niċeċ adegwati biex jintrefgħu fihom. Għalhekk dawn l-istatwi kienu jinbidlu ta’ sikwit. Raġuni oħra għalfejn kienu jinbidlu kienet meta daħlet id-drawwa li flok figura waħda l-istatwi jibdew isiru b’iktar figuri. Xi daqqiet naraw li xi statwi li saru ġodda kienu jerġgħu jinbidlu wara ftit snin għax ma jkunux ingħoġbu.
Fil-maġġoranza assoluta dawn il-vari huma xogħol ta’ artisti Maltin li permezz tagħhom urew il-kapaċità tagħhom u fl-istess ħin servew biex ikompli jikber il-kult tad-devozjoni lejn il-passjoni ta’ Ġesù Kristu f’pajjiżna.
Kien ghalhekk li nibtet l-idea li fil-Palazz ta'Sant'Anton tittella' wirja b'dawn il-vari li inghataw minn diversi parrocci f'Malta u m'ghadhomx jintuzaw. Il-President George Abela f'kelmtejn li ghamel esprima x-xewqa li ghandha tinholoq iktar kuxjenza u dawn l-istatwi jigu restawrati. Il wirja se tkun miftuha kuljum sa Sibt il-Ghid.
Informazzjoni dwar kull vara;
Kurċifiss. Dan il-Kurċifiss inġieb mis-Santwarju u Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu Valletta. Huwa maħdum fil-kartapesta u sar fis-sena 1801. L-awtur tiegħu mhux magħruf. Jingħad li dan kien jintrama fuq il-palk tal-eżerċizzi fi żmien ir-Randan Imqaddes. Dan il-palk kien jintrama quddiem l-altar maġġur biex minn fuqu jsiru l-prietki tal-Eżerċizzi.
Redentur. Din il-vara tar-Redentur kienet tifforma parti mis-sett tal-vari oriġinali fil-parroċċa ta’ Marija Bambina tan-Naxxar. Huwa maħdum fuq stil tradizzjonali ispirat mir-Redentur tal-Isla u huwa xogħol ta’ Saverio Laferla. Huwa xogħol fil-kartapesta u dam jintuża sal-1981 meta kien inbidel ma’ vara ġdida tar-Redentur maħduma minn Michael Camilleri Cauchi.
Marija Addolorata. Din il-vara ta’ Marija Addolorata kienet tifforma parti mis-sett oriġinali fil-parroċċa ta’ Marija Bambina tan-Naxxar. Hija maħduma fuq stil tradizzjonali b’somiljanzi mal-vara tad-Duluri li nsibu fil-Belt Valletta. Hija xogħol fil-kartapesta iżda l-interventi li saru fuqha mal-mogħdija taż-żmien tellfu ħafna mis-sbuħija tagħha. Mhux magħruf l-awtur tagħha; jista’ jkun li oriġinarjament inħadmet minn Saverio Laferla.
Kristu Marbut mal-Kolonna. Din il-vara ta’ Kristu Marbut mal-Kolonna kienet tifforma parti mis-sett oriġinali fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi. L- awtur ta’ din il-vara mhux magħruf u jidher li nħadmet f’nofs is-seklu dsatax fil- kartapesta fuq stil tradizzjonali li f’dak iż-żmien konna nsibu diversi vari simili f’purċissjonijiet oħra. Damet tintuża mas-sett oriġinali sal-1961 meta kienet inġiebet vara ġdida minn Bari fl-Italja.
Kristu fl-Ort. Din hija vara antika ħafna u kienet tintuża fil-purċissjoni li kienet toħroġ nhar Ħamis ix-Xirka mill-knisja tal-Lunzjata tal-Patrijiet Dumnikani tal- Birgu. Din il-purċissjoni ma baqgħetx toħroġ meta l-Isqof Carmelo Scicluna kien ordna li l-purċissjonijiet tal-passjoni joħorġu biss nhar il-Ġimgħa l-Kbira u għalhekk peress li fil-Birgu kien hemm dik li kienet toħroġ mill-knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz dik tad-Dumnikani ma setgħetx toħroġ iktar. Din il-vara oriġinarjament jidher li kienet manikin u kienet titlibbes bil-ħwejjeġ ta’ veru. Filwaqt li r-ras u s-saqajn huma tal-injam il-kumplament huwa tal-kartapesta. Jidher ċar li f’xi żmien kienu tneħħew il-ħwejjeġ tad-drapp u saru tal-kartapesta.
Veronika. Din il-vara tal-Veronika kienet tifforma parti mis-sett ta’ vari li nsibu fil-parroċċa ta’ Sant’Andrija ġewwa Ħal Luqa. Hija xogħol fil-kartapesta ta’ Ġużeppi Vella li ħadimha fl-1830. Hija għandha poża popolari ħafna fil-vari tal-Veronika u f’diversi purċissjonijiet kont issib xbihat tal-Veronika għarkupptejha bħal din. Din il-vara damet tintuża fil-pruċissjoni ta’ Ħal Luqa sal-1999 meta żżanżnet waħda ġdida maħduma minn Renzo Gauci.
| Xmun iċ-Ċirinew. Din il-vara kienet tifforma parti mis-sett tal-vari li nsibu fil- | parroċċa ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra ġewwa ż-Żejtun. Hija maħduma fil- kartapesta u kienet inġiebet minn Lecce fl-Italja fis-sena 1962. L-awtur tagħha huwa Angelo Capoccia u kienet l-ewwel waħda f’Malta b’dan is-suġġett. Kienet ukoll waħda minn tal-ewwel li bħala vara kienet tinkludi grupp ta’ persunaġġi. Sa dak iż-żmien kienet tkun il-vara l-kbira biss bi grupp ta’ persunaġġi. Din il-vara nbidlet fl-2007 meta żżanżnet waħda ġdida maħduma minn Alfred Camilleri Cauchi. |
| Kristu Mejjet. Din il-vara tinsab f’Dar Il-Qalb ta’ Ġesù f’Santa Venera. Dan il-bini huwa magħruf ukoll bħala l-Istitut ta’ Adelaide Cini. Din hija maħduma fil- kartapesta imma l-awtur tagħha mhux magħruf u lanqas meta nħadmet. Din l- | istatwa matul is-sena tkun miżmuma f’niċċa apposta fil-knisja ta’ dan l-istess bini. Fil-passat meta l-istitut kien immexxi mis-Sorijiet tal-Qalb ta’ Ġesù kienet issir funzjoni nhar il-Ġimgħa l-Kbira li kienet tissejjaħ tat-tliet sigħat u wara din l- istatwa kienet tintrama quddiem l-altar maġġur u jsir talb speċjali mis-sorijiet. |
San Ġwann l-Evanġelista. Din l-istatwa kienet tifforma parti mill-vara l-kbira li nsibu fis-sett ta’ vari fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi. Hija maħduma fil-kartapesta u saret lejn nofs is-seklu tmintax. L-awtur tagħha mhux magħruf. Madwar 110 sena ilu din kienet inbidlet ma’ statwa oħra maħduma minn Karlu Darmanin. Illum din tinżamm fil-knisja tal-Madonna tal-Ħlas ġewwa Ħal Qormi.
Ecce Homo. Din il-vara kienet tifforma parti mis-sett ta’ vari li nsibu fil-knisja parrokkjali ta’ San Bartilmew f’Ħal Għargħur. Hija maħduma fil-kartapesta, xogħol Kalċidon Mangion. Din il-vara kienet mibdula ma’ oħra ġdida maħduma minn Renzo Gauci li żżanżnet fl-1990.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en