TINFETAĦ WIRJA BL-ISEM TA’ STIGMATA FL-ISPTAR MONTE KARMELI
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Mario Galea, fetaħ il-wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa fl-Isptar Monte Karmeli, Ħ’Attard bl-isem Stigmata. Din il-wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa hija mtella’ bil-għan li tiżdied l-edukazzjoni u t-tagħrif fuq il-mard mentali, kif ukoll bħala kampanja informattiva biex tingħeleb l-istigma.
Mario Galea rringrazzja lill-Klabb tal-Isports u Kultura għall-inizjattiva tagħhom. Ta’ min jgħid li fost il-vari u l-pittura marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, ix-xogħol eżibit huwa xogħol tal-istess ħaddiema tal-Isptar u fosthom hemm sett vari ta’ terrakotta li nħadmu minn wieħed mir-residenti li kien qed jingħata kura f’dan l-Isptar. Dan ir-resident kien preżenti wkoll waqt l-inawgurazzjoni ta’ din l-attività.
Stigmata huma l-pjagi ta’ Kristu, li ġew imqabbla mat-tbatija tal-istigma li jsofru l-pazjenti li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali. Din il-wirja verament artistika ġiet imtella’ f’dan l-istess Sptar għat-tieni sena konsekuttiva. Se tkun miftuħa għall-pubbliku mill-Ġimgħa, 15 ta’ April sal-Ħadd, 24 ta’ April minn nofsinhar sas-sitta ta’ filgħaxija. Hija x-xewqa tal-organizzaturi li ħafna nies imorru jaraw din il-wirja, mhux biss bħala apprezzament tal-arti, imma fuq kollox minħabba li l-Isptar mhux post tal-biża’ kif sfortunatament ħafna għadhom ipinġuh.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en