STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT B’RISPOSTA GĦALL-ISTQARRIJA TAD-DEPUTAT MEXXEJ TAL-OPPOŻIZZJONI ANĠLU FARRUGIA
L-Oppożizzjoni terġa tipprova tfixkel id-djalogu soċjali
Għal darb’oħra l-Oppożizzjoni qed tipprova tfixkel id-djalogu soċjali fl-MCESD li kompla l-bieraħ. Bil-kontra tal-Oppożizzjoni, id-diskussjoni kienet waħda matura u sinċiera.
Il-Gvern tul l-aħħar xhur kompla jinvesti bis-saħħa biex isostni l-ambjent meħtieġ biex jitħarsu l-postijiet tax-xogħol u jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar. Din hija l-aqwa garanzija favur kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.
Fir-rapport dwar l-inflazzjoni, irriżulta li għall-kuntrarju tal-impressjoni li tipprova tagħti l-Oppożizzjoni, ir-rata tal-inflazzjoni tinsab fil-livelli ta’ 2%. Dan huwa normali f’pajjiż li għandu l-ekonomija tiegħu qed tikber b’rata pjuttost mgħaġġla meta mqabbla mal-bqija tal-Unjoni Ewropea. Dan it-tkabbir ekonomiku qed jirriżulta wkoll f’żieda fil-postijiet tax-xogħol. Statistika turi li Malta kellha l-akbar żieda fix-xogħol fl-Unjoni Eworpea kollha.
Il-Gvern kien impenja lilu nnifsu li janalizza l-impatt tal-inflazzjoni f’pajjiżna. Issa, fuq proposta ta’ waħda mill-unions, se jkun qed jara speċifikament l-impatt fuq dawk il-faxex l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà.
Pajjiżna jgawdi minn wieħed mill-aktar oqfsa soċjali b’saħħithom fl-Ewropa. F’pajjiżna għandna l-aktar rata medja baxxa ta’ taxxa fuq id-dħul fuq l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, is-settur tan-negozji jgawdi minn diversi opportunitajiet li jiġbor lura partijiet mit-taxxa dovuta meta jinvesti l-qliegħ tiegħu fl-istess negozju, biex b’hekk ikompli jikber u jiġġenera l-ġid. Il-Gvern introduċa sensiela ta’ inċentivi fiskali biex jilħqu għanijiet speċifiċi u b’mod ġenerali jħallu aktar flus fil-but. Dan jinkludi tnaqqis mit-taxxa għal sidien ta’ negozju u s-self employed, tnaqqis fl-income tax għan-nisa li jidħlu lura għad-dinja tax-xogħol jew jibqgħu f’impjieg wara li jkollhom it-tfal, ġenituri li jibagħtu lill-uliedhom f’child care centre, skejjel privati, nurseries u akkademji sportivi, u tnaqqis fl-income tax għal studenti bl-iskema myPotential u tnaqqis fl-income tax għal host families.
Proprju għaliex dan huwa Gvern b’kuxjenza soċjali, minkejja li f’bosta pajjiżi Ewropej, biex jilqgħu għall-kriżi qaċċtu bosta programmi soċjali, l-investiment fl-edukazzjoni u fil-qasam soċjali f’pajjiżna kompla jikber.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en