IL-MINISTERU TAL-AFFARIJIET BARRANIN VIĊIN IN-NIES FIL-ĦIDMA TIEGĦU
Il-ħidma li twettqet fl-ewwel xhur ta’ din is-sena biex tgħin lill-Maltin fil-Libja, fit-Tuneżija u l-Eġittu wara d-diffikultajiet li nqalgħu f’dawn il-pajjiżi, hija ċertifikat ta’ kemm il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin iżomm fiċ-ċentru tal-politika tiegħu liċ-ċittadini Maltin. Dan qalu l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr Tonio Borg waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar it-tielet sena ħidma tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, bħala parti mill-ħidma tal-Gvern għal-leġislazzjoni 2008-2013.
Dr Tonio Borg kompla jgħid li l-iżviluppi li saru f’dawn il-pajjiżi, speċjalment fil-Libja, talbu impenn kontinwu mill-ħaddiema u mir-riżorsi limitati ta’ dan il-Ministeru. Fil-kriżi tal-Libja saret ħidma mill-istaff tal-Ministeru u mill-Ambaxxata Maltija fi Tripli sabiex il-Maltin jinġiebu fl-iqsar żmien possibbli.
Fl-istess waqt Malta tat dak kollu li setgħet biex tgħin l-evakwazzjoni ta’ eluf kbar ta’ ċittadini barranin mill-Libja u dan ġie rikonoxxut minn bosta pajjiżi. Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron fi stqarrija quddiem il-House of Commons fit-28 ta’ Frar 2011 irringrazzja lill-Malta għall-ħidma tagħhom. Turija ta’ ringrazzjament waslet ukoll minn pajjiżi oħra fosthom, miċ-Ċina, mill-Ġermanja, mill-Ungerija u mill-Istati Uniti.
Fil-ħidma ta’ kuljum ta’ dan il-Ministeru, ingħatat importanza fl-aħħar snin li l-politika barranija tkattar u ssaħħaħ il-kuntatti ma’ diversi pajjiżi. Dan fl-interess tar-relazzjonjiet diplomatiċi u ekonomiċi.
“Matul din il-leġislatura ffirmajna, daħħalna fis-seħħ, jew irratifikajna 126 ftehim bilaterali ma’ bosta pajjiżi. Dawn il-ftehim ikopru diversi oqsma fosthom ftehim dwar Ħelsien mit-Taxxa Doppja, ftehim dwar il-ħarsien tal-investiment, dwar is-saħħa, sigurtà u diversi materji oħra. Fl-aħħar sena ġew iffirmati 30 ftehim bilaterali. Fosthom 10 ftehim li jgħinu l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol.”
Il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg sostna li biex inkattru iktar kuntatti ma’ bosta pajjiżi, Malta baqgħet tkun iċ-ċentru ta’ diversi żjarat minn politiċi ta’ l-għola livell. Fl-aħħar xhur żaru Malta fost l-oħrajn il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-President Taljan Giorgio Napolitano, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iżraeljan Avigdor Liberman, l-Papa Benedittu XVI, il-President tal-Parlament Ewropew Jerzey Buzek u fl-aħħar ġranet il-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy.
“Fl-istess żmien komplejt biż-żjarat f’għadd ta’ pajjiżi biex Malta tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali magħhom. Flimkien mal-Prim Ministru għamilna laqgħat fil-Golf Għarbi, fejn tmexxiet delegazzjoni fl-Emirati Għarab Maqgħuda, fil-Bahrain, fil-Kuwajt u fil-Qatar. Flimkien mal-President ta’ Malta żort iċ-Ċina fejn hemmek ġie inawgurat il-Padiljun Malti fl-Expo ta’ Shangai li għaliha attendew miljuni ta’ nies minn madwar id-dinja.”
Il-kuntatti jissaħħew bil-ħidma tal-Ambaxxati u l-Konsalti Maltin barra minn Malta. Is-sena 2010 rat rekord ta’ kuntatti kummerċjali li huma frott il-politika li qed iħaddem dan il-Ministeru. L-Ambaxxati għandhom jibqgħu iservu ta’ vetrina għall-Malta fil-qasam tal-investiment u t-turiżmu.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en
pr0746.pdf