IL-PRESIDENT IŻUR IL-KULLEĠĠ MARIA REĠINA
“L-attivitajiet extra kurrikulari li jmorru lilhinn mill-istudji akkademiċi jservu biex niskopru talenti u nibnu qafas ta’ soċjetà kreattiva”. Dan qalu l-President George Abela meta dalgħodu beda jżur l-iskejjel tal-Kulleġġ Maria Reġina, liema żjara tkompli nhar it-Tlieta 19 ta’ April u t-Tlieta 10 ta’ Mejju.
Il-President George Abela stqarr li kien privileġġ għalih iżur l-iskola l-ġdida tas-Sekondarja fil-Mosta, fl-inħawi taż-Żokrija. Hawnhekk assista għal attivitajiet extra-kurrikulari u ħeġġeġ lill-edukaturi sabiex ikunu infurmati dwar il-Premju tal-President għall-Kreattività. Permezz ta’ dan il-Premju l-edukaturi jkunu jistgħu jmexxu ’l quddiem studenti li għandhom talent li jistħoqqlu jkun indukrat. Il-President żied jgħid ukoll li l-ikbar rikezza li hawn f’din l-iskola huma l-isudenti, l-għalliema u l-ġenituri li flimkien qegħdin jaħdmu sabiex joħolqu soċjetà b’futur sabiħ. Il-President George Abela kompla ż-żjara tiegħu fl-iskejjel Primarji A u B fil-Mosta fejn l-istudenti ppreparaw programmi ta’ attivitajiet varji li jinkludu preżentazzjonijiet, reċti, mużika u qari ta’ poeżija sabiex ilkoll jagħtu merħba lill-Kap tal-Istat.
Iż-żjara tal-President Abela ntemmet fl-iskola Dun Manwel Attard, Young Adult Educators Research Centre fil-Wardija, li tilqa’ madwar 70 student b’diżabilità u ta’ età li tibda minn sittax-il sena sa għoxrin. Il-President George Abela kien mistieden jiltaqa’ mal-istudenti fil-Vocational Area fejn kienu qed jitħarrġu sabiex jakkwistaw għodod bażiċi li jgħinhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol f’ambjent. Żar ukoll wirja tal-Ġimgħa l-Kbira li tittella’ kull sena f’din is-sena mill-istess studenti. Il-President fl-aħħar ta’ din iż-żjara rringrazzja lill-għalliema tad-dedikazzjoni tagħhom u qal li l-Malta Community Chest Fund qiegħda hemm sabiex anke f’każijiet bħal dawn tgħin kif tista’.
Waqt din iż-żjara l-President kien akkumpanjat mill-Prinċipal tal-Kulleġġ is-Sur Mario Testa.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en