VETRINA TA’ TALENTI STUDENTESKI U RIKONOXXIMENT MISTĦOQQ GĦALL-GĦALLIEMA
Is-serata skolastika li nżammet fis-sala tal-Ministeru għal Għawdex, kienet waħda li tat xhieda qawwija tal-kompetenzi u s-suċċessi relatati ma’ karrieri li rnexxielhom jiksbu bosta studenti Għawdxin li qed jattendu jew kienu jattendu korsijiet fl-iskola post-sekondarja Sir M’Anġ Refalo ġewwa Victoria Għawdex. Il-programm ta’ madwar sagħtejn kien mogħni b’esperjenzi attwali ta’ numru ta’ professjonisti li sa ftit snin ilu kienu jattendu lezzjonijiet fil-bankijiet ta’ dan iċ-ċentru uniku f’Għawdex u llum qed isegwu diversi karrieri għas-servizz tas-soċjetà Maltija u Għawdxija.
Dawn kienu jinkludu għalliem li hu wkoll kittieb prolifiku, Patri missjunarju li hu wkoll direttur ta’ istitut, ex-studenta li llum hi spettur tal-pulizija, żewġ tobba, awditur, restawratur, Direttur Maniġerjali ta’ kumpanija ewlenija fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel flimkien ma’ ex-studenta li wettqet xogħol bħala osservatur tal-Commonwealth fir-Rwanda. Ħames studenti li qed jattendu korsijiet f’dan iċ-ċentru esegwew diversi siltiet mużikali filwaqt li oħra qrat poeżija bil-Malti li nkitbet minn għalliem tal-ingliż is-sur Frank Muscat bħala memorja ta’ għalliem ieħor, Paul Spiteri. Dan kien mument kommoventi li fakkar għalliem rispettat minn diversi ġenerazzjonijiet ta’ studenti Għawdxin li għaddew minn din l-iskola.
Il-Kap attwali taċ-Ċentru għal Studji Ogħla Sir M’Anġ Refalo faħħar l-inizjattiva tas-sur Daniel James Cassar, wieħed mill-Assistenti Kapijiet li kien ukoll ko-ordinatur tas-serata li ġiet ippreżentata mis-sur Charles Abela Mizzi. Għaliha attendew għalliema, studenti, ġenituri u personalitijiet Għawdxin li bil-preżenza tagħhom taw rikonoxximent mistħoqq lil din l-iskola ewlenija f’Għawdex. F’dawn l-aħħar snin in-numru ta’ studenti Għawdxin li qed ikomplu bl-istudji post sekondarji żdiedu u jlaħħqu medja ta’ aktar minn 600 kull sena. Bosta minnhom ikomplu bl-istudji terzjarji jew studji oħra f’Malta u għalhekk din l-iskola tfisser l-aħħar fażi tal-edukazzjoni tagħhom fil-gżira ta’ Għawdex.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, attendiet għal din l-attività li hija fissret bħala rikonoxximent tal-investiment u l-ħidma li saret u għadha ssir minn dawk li huma involuti fil-qasam edukattiv f’Għawdex. Dawk li pparteċipaw huma kampjun magħżul minn numru ferm akbar ta’ studenti li għaddew minn din l-iskola u llum jokkupaw karigi u rwoli importanti f’kull qasam tas-soċjetà kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna.
Fit-tmiem tas-serata ġie inawgurat organu rappreżentattiv tal-istudenti li jattendu dan iċ-ċentru. Il-kumitat eżekuttiv tal-grupp ‘Students’ Voice’ ser ikun magħmul minn ħames membri u ser ikun qed jippromwovi attivitajiet fost l-istudenti kollha.
Is-soireè ecoliere kienet iddedikata lil dawk l-amministraturi, għalliema, staff, studenti u ġenituri kollha li matul is-snin taw kontribut bil-moħħ u l-ħila f’kuntest edukattiv sabiex jassiguraw li jintlaħaq u jinżamm livell ta’ eċċellenza fit-tagħlim fiċ-ċentru Sir M’Anġ Refalo, livell li ggarantixxa suċċessi fil-kamp tax-xogħol għal bosta studenti kemm f’Malta u Għawdex kif ukoll lil’hinn minnhom.
Mingħajr dubju s-serata kienet mera ta’ passat mimli suċċess għal din l-iskola post-sekondarja u tas-sehem importanti li tat lis-soċjetà ta’ pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en