Left arrow Go Back

BIX-XOGĦOL NINVESTU F’SOĊJETA’ B’SAĦĦITHA, GĦALIK – IMĦABBRA AKTAR PROĠETTI FIL-BIRGU U FIL-25 TA’APRIL SE TINFETAĦ SKEMA LI TOFFRI GĦAJNUNA FUQ XIRI TA’ SOLAR WATER HEATERS

pr0735
Date Icon 13/04/2011

Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino, ippreżenta r-rapport li jelenka l-ħidma ewlenija li twettqet mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali f’din it-tielet sena tal-Gvern. 

Il-konferenza tal-aħbarijiet seħħet fil-Birgu fejn il-Ministeru qed iwettaq proġett ieħor f’din il-lokalità. Fid-daħla tal-Birgu qed terġa tinbena ħnejja fil-faċċata tal-Bastjun ta’ San Ġwann. Il-ħtieġa ta’ triq ġdida u adegwata li tagħti għal ġol-Birgu, biex taqdi t-traffiku fil-perjodu ta’ wara l-aħħar gwerra, kienet issarfet fi tkissir sostanzjali tas-Sur ta’ San Ġwann. Il-bini tat-triq wassal biex dan il-Bastjun tant prinċipali fis-sistema tas-swar tal-Birgu spiċċa maqsum f’żewġ biċċiet mingħajr l-ebda konnesjoni fiżika bejniethom. B’hekk kemm il-Bastjun, id-dehra tas-swar tal-Birgu u l-linja tas-swar tilfet il-kontinwità tagħha. Il-bini tal-arkata, kien maħsub biex jerġa’ jintroduċi dan is-sens ta’ kontinwità fil-linja tas-swar u jerġa’ jgħaqqad il-bastjun biex eventwalment iservi ta’ mixja madwar din il-Belt storika.

Ix-xogħol li qed iseħħ fil-Birgu huwa parti integrali mill-programm estentiv ta’ restawr li dan il-Gvern beda jwettaq. Restawr ta’ 6km tas-Swar fil-Birgu, iċ-Ċitadella, il-Belt Valletta u l-Imdina. Dan ix-xogħol qed isir b’investiment ta’ €36 miljun. Fil-Birgu permezz ta’ dan ix-xogħol ta’ restawr se jingħata wkoll spazju miftuħ għar-rikreazzjoni. Fl-aħħar xhur twaqqa’ dak li kien l-Oil Depot biex f’dik iż-żona jsir ukoll proġett ta’ tisbiħ.

Il-Ministru Pullicino ħabbar li fil-ġranet li ġejjin se jinħarġu t-tenders biex ikun jista’ jingħata bidu għall-proġett tal-pavimentar tat-toroq kollha tal-aktar parti antika tal-Birgu, dik li tissejjah il-Collachio. Dan il-proġett se jinvolvi wkoll it-tneħħija ta’ gallarijiet, twieqi u gradi tal-aluminju biex ikunu sostitwiti b’oħrajn tal-injam, filwaqt li jitneħħa madum taċ-ċeramika minn mal-faċċati.  

F’dawn l-aħħar tlett snin bejn b’dawn il-proġetti ta’ restawr u proġetti ta’ tisbiħ il-Ministeru wettaq xejn anqas minn 75 proġett.

Saru numru ta’ proġetti bl-għan li jingħataw aktar spazzji miftuħa għar-rikreazzjoni tal-familji. Fost dawn il-proġetti sar
• Park ġdid fi Xrobb l-Għaġin, Marsaxlokk,
• Issebbħu l-Promenades ta’ Qui Si Sana u Marsaxlokk,
• Ġnien ġdid fi Qui Si Sana,
• Adventure Park f’Ta Qali
• Pjazza San Ġorġ fil-Belt

Il-Gvern f’dawn l-aħħar 3 snin kompla bir-rivoluzzjoni siekta fil-qasam tal-immaniġjar tal-iskart.

Din l-aħħar sena ta’ ħidma tibqa’ mfakkra għall-ftuħ tal-kumpless ta’ Sant’Antnin. Permezz tal-investiment ta’ €27 miljun li sar f’dan il-kumpless qed tkun iġġenerata l-enerġija nadifa mill-iskart, filwaqt li kwazi 800 container (tal-40 pied) ta’ skart qed ikun esportat fis-sena; materjal li sa ftit tas-snin ilu kien jintefa’ fil-mizbla. 

Matul is-sena l-oħra:
• inġabar kważi d-doppju ta’ skart isseparat mid-djar minn dak li nġabar fl-2008;
• inbidlu l-miżati tal-landfills sabiex ikun inċentivat aktar is-separazzjoni tal-iskart.

Għaddej il-proċess biex il-miżbliet il-magħluqa tal-Magħtab, Qortin u Wied il-Għajn jinbidlu f’Parks b’investiment ta’ €28 miljun.
• ġew trattati mal-130 miljun metru kubu ta’ gass mill-Magħtab;
• bit-trattament li qed issir mill-Magħtab inżammu milli joħorġu fl-arja mal-50,000 tunnelata ta’ CO2.

F’Ġunju tal-2010 tressqet fil-Parlament l-ewwel reviżjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-immaniġjar tal-iskart solidu, biex pajjiżna jiġġenera aktar enerġija nadifa mill-iskart.

Bis-suċċess miksub fl-immaniġġjar tal-iskart naqas ħafna l-iskart mormi fit-toroq u l-kampanja. Biss xorta l-Gvern qed iżid l-isforzi kollha tiegħu sabiex pajjiżna jkompli jkun aktar nadif.

F’dan il-kuntest:
• inxtara aktar makkinarju għad-Dipartiment tal-indafa pubbliku;
• komplew isiru kontenituri ġodda għar-rimi ta’ skart isseparat fuq il-bajjiet;
• b’kordinament tal-PARKS unit tneħħew mal-50 tunnellata ta’ tankijiet mill-kampanija.

Barra hekk biex tkompli titjieb id-dehra ta’ pajjizna:
• permezz tal-konsorzju ELC tħawlu xejn anqas minn 1.75 miljun pjanta;
• tħawwlu eluf ta’ sigar biex s’issa minn mindu bdiet il-kampanja 34U tħawwlu ‘l fuq minn 100,000 siġra.

Matul l-aħħar sena tkompliet il-ħidma favur konsum aktar responsabbli tal-energija u l-generazzjoni ta’ energija nadifa bħala parti mill-politika tal-Gvern għat-Tibdil fil-Klima.

Wara li tfasslet l-istrateġija ta’ mitigazzjoni għal-Bidla fil-Klima, twettaq proċess ta’ konsultazzjoni wkoll fuq l-istrateġija tal-Adattament għal-Bidla fil-Klima, liema strateġija se tkun finalizzata sal-bidu ta’ Lulju.

Il-Gvern hu mpenjat li jiġġenera aktar enerġija nadifa f’pajjiżna mill-iskart, mix-xemx u mir-riħ:
• mill-istudji preliminarji li qed isiru fuq il-livelli tar-riħ permezz ta’ Wind Monitoring Mast fl-Aħrax tal-Mellieħa, jidher li l-ammont tar-riħ fiż-żona tas-Sikka l-Bajda, sit propost għal wind farm, huwa biżejjed biex tiffunzjona wind farm;
• qed issir ħidma biex b’aktar panelli fotovoltajiċi tkun iġġenerata l-enerġija mix-xemx. 
• f’dawn l-aħħar 3 snin ġew mgħejjuna madwar 7,000 familja li nvestew f’tagħmir li jgħinhom inaqqsu l-konsum jew jiġġeneraw l-enerġija;

F’dan il-kuntest il-Ministru ħabbar li mill-25 ta’April l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi se tibda tilqa’ l-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna fuq xiri ta’ Solar Water Heaters għal użu domestiku. Din l-iskema hi miftuħa għal kulħadd u se tkun qed toffri għotja ta’ 40% sa massimu ta’ €400. Hu maħsub li se jibbenefikaw mal-2,000 familja b’investiment tal-Gvern ta’ €800,000;
• Is-sena l-oħra twaqqfet sistema ta’ feed-in-tariff għal dawk li jiġġeneraw l-enerġija minn panelli fotovoltajiċi. Saret feed-in-tarrif aktar vantaġjuża għall-Għawdxin bħala parti mill-viżjoni eko-Għawdex;
• Ġew irreġistati mal-162 assessur biex jinħarġu ċertifikati fl-użu tal-effiċjenza fl-enerġija tal-bini;
• F’din is-sena wkoll twaqqaf kumitat sabiex joħroġ bi strateġija għall-introduzzjoni ta’ vetturi elettriċi f’Malta; 
• Intlaħaq ftehim mal-Portugall fil-qasam tal-mobilità elettrika biex fix-xhur li ġejjin jibda jsir ix-xogħol fuq l-infrastruttura neċċessarja għall-introduzzjoni ta’ vetturi elettriċi;

Il-Ministru Pulliċino semma wkoll li “Riżorsa oħra li rridu lkoll kemm aħna napprezzaw aktar huwa l-ilma.  Biex nilħqu dan l-għan bdejna bl-installazzjoni tal-meters ma’ kull borehole u spiera. Ġie mfassal ukoll programm ta’Azzjoni għan-Nitrati wara proċess ta’ konsultazzjoni li għandu l-għan li jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma kkawżat minn nitrati. Permezz tal-proġett tal-ġlieda kontra l-Għargħar, liema proġett se jqum mal-56 miljun Euro b’fondi tal-Unjoni Ewropea, se nkunu qed nirduppjaw il-volum tal-ilma maħżun f’pajjizna.”

Qasam ieħor li l-Gvern tah importanza kbira matul is-sena li għaddiet kien dak tal-Ħarsien tal-Annimali. F’Ottubru li għaddha ġie inawgurat Ċentru San Franġisk għall-ħarsien tal-annimali. Ċentru, li qed joffri kura u servizz ta’ after care 24 siegħa kuljum Ħdud u Festi nklużi. Fil-ġranet li ġejjin se jkun ippublikat l-avviż legali li jistabbilixxi l-obbligu li kull kelb f’Malta u Għawdex irid jiġi microchipped.

Qasam ieħor importanti li fiħ qed issir bidla radikali hu s-settur tal-Agrikoltura.

• komplew jinħarġu aktar skemi marbuta mal-Fond Ewpropej tas-Sajd 2007 – 2013;
• is-sena li għaddiet l-Aġenzija għall-Pagamenti ħallset ‘il fuq minn €27 miljun f’għajnuniet lill-bdiewa u r-raħħala;
• mill-Pjan għall-Iżvillupp Rurali ġew allokati wkoll €13-il miljun għal proġetti f’22 lokalità b’rabta mal-agrituriżmu;
• tkompliet il-kampanja favur il-konsum ta’ dak kollu li hu Naturalment Malti;
• inbeda l-ewwel suq tal-bdiewa f’Ta’ Qali;
• għaddejjin 20 proġett ta’ riċerka fl-Għammieri;
• inbdiet ir-riforma tal-pitkalija, bil-għan li titjieb it-trasparenza fl-operat u jitjieb id-dħul tal-bidwi;
• ġew investiti €2miljun fuq diversi xogħlijiet strutturali fil-Biċċerija;
• sar investiment ta’ €3 miljun biex titjieb il-merħla tal-ħalib, illum f’pajjiżna għandna anqas baqar, iżda produzzjoni akbar ta’ ħalib;
• bdiet skema ta’ branding fuq il-Majjal ta’ Malta.
• Malta tinsab fuq quddiem nett fir-riċerka li qed issir fiċ-Ċentru tal-Akwakultura f’San Luċjan fuq it-tkabbir tal-Aċċol.

Il-Ministru Pullicino irringrazzja lil Assistent Parlamentari Philip Mifsud li qed jagħmel xogħol siewi b’risq is-settur agrikolu, lis-Segretarju Permanenti, lid-Diretturi Genrali, u l-ħaddiema li b’dedikazjoni jagħmlu xogħolhom b’dover lejn pajjiżhom.

Il-Ministru temm jgħid li; “Qed nagħmlu ħidma siewja li qed tagħti l-frott. Dan kollu li sar ipoġġi quddiemna sfidi kbar għal quddiem biex inkomplu nibnu fuq dak li għamilna. Nemmen li flimkien kapaċi ndawru l-isfidi li għandna quddiemna bħal ma huma l-isfidi li jġib miegħu t-tibdil fil-klima, f’aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Għalaqna t-tielet sena ta’ ħidma ta’ dan il-Gvern. Sena li għall-Ministeru li mmexxi jien offriet aktar proġetti ta’ tisbih, aktar spazji pubbliċi għat-tgawdija tal-familji, aktar ħidma favur il-ħarsien tar-riżorsi ta’ pajjiżna,  investiment qawwi fis-settur agrikolu.  Dan kollu sabiex flimkien inkomplu nibnu soċjetà b’saħħitha. Flimkien, qed jirnexxielna b’mod tangibbli ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies”.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow