Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ WAQT IL-PREŻENTAZZJONI TAR-RAPPORT TAT-TIELET SENA ĦIDMA

pr0719
Date Icon 11/04/2011

Għeżież kollegi, ħbieb u membri tal-istampa,


Grazzi talli lqajtu l-istedina tagħna biex flimkien nagħtu daqqa t’għajn lejn il-ħidma kollettiva ta’ dan il-Ministeru tul it-Tielet Sena Ħidma ta’ dan il-Gvern.


Dan huwa Ministeru li ma’ jkoprix biss settur partikolari tas-soċjetà tagħna imma jolqot lil kullħadd. Huwa Ministeru sensittiv immens għaliex il-ħaddiema tagħna jiffaċjaw nies vulnerabbli u familji maħkuma mill-emozzjoni. Illum xtaqt nibda proprju b’dak li s-soltu nagħlaq bih f’diskors tal-okkażjoni bħalma hu dan - grazzi. Grazzi lilkom hawn illum li tirrapreżentaw lill-aktar minn 9000 persuna li jaħdmu mas-settur tas-Saħħa Pubbliku. Grazzi mill-qalb lil kull wieħed u waħda minnkom ta’ kull ma’ tagħmlu fil-ħidma tagħkom ta’ kull jum mal-morda u mal-familji tagħhom. Naf li dak li tiffaċċjaw intom u l-istaff mediku u professjonali kollu huwa diffiċli. Naf li ħafna minnkom ma’ jimxux biss mal-parametri ta’ dak li hu xogħolhom imma jagħmlu ħafna aktar!


B’mod partikolari xtaqt insemmi lill-istaff kollu ta’ l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karin Grech li ninsabu fih illum. Il-bidla, u kull bidla, fil-ħajja toħloq inċertezza, imma l-bidla hija neċessarja biex nimxu l-quddiem. Jekk hemm staff u tim ta’ professjonisti li għadda, u għadu għaddej, minn bidliet kbar huwa proprju t-tim ta’ dan l-Isptar.


Ilum bi pjaċir kbir inħabbar li sar xogħol estensiv fuq żewġ swali li jieħdu fihom 55 pazjent għar-rijabilitazzjoni. F'dan il-weekend ġew trasferiti il-pazjenti mis-swali M1 u M2 ta’ dan l-isptar sabiex issa wara li dawn is-swali jsirilhom xogħol ta’ manutenzjoni jkunu jistgħu jieħdu pazjenti mill-Isptar Mater Dei li jkollhom bżonn kura rijabilittativa.


M’għandix dubju li bil-kollaborazzjoni ta’ kullħadd se nagħtu servizz ta’ kwalità għal-ġid tal-pazjenti kollha. Meta naħdmu flimkien, ir-riżultati jaslu. Tul is-sena li għaddiet, minkejja ħafna diffikultajiet u sagrifiċċji, għax ħdimna flimkien, dawn ir-riżultati waslu, mhux biss f’dan l-Isptar imma f’kull qasam tas-servizzi tas-saħħa li noffru.
F’sena mimlijja taqlib ekonomiku, nistgħu niftaħru li mhux biss s-servizzi tas-saħħa ma marrux lura, iżda komplejna nsaħħu dak li ksibna tul is-snin u nimirħu f’servizzi li sa ftit snin ilu lanqas biss konna noħolmu li jistgħu jsiru f’pajjiżna.

Il-ġlieda kontra l-marda tal-Kanċer hija t-timbru ta’ dan il-Gvern u ta’ din il-leġiżlatura. Tul is-sena li għaddiet, permezz tal-FMS (Foundation for Medical Services), u bl-għajnuna mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropeja, beda l-bini ta’ Ċentru tal-Onkoloġija fl-Isptar Mater Dei b’investiment ta’ 48 miljun ewro. Iċ-Ċentru l-ġdid jakkomoda 96 persuna f’ħin wieħed meta fl-Isptar Boffa hemm biss 27 sodda.


Xogħol ieħor tal-FMS kien fl-Isptar Boffa, fejn se jkomplu jingħataw is-servizzi b’dinjità u rispett sa kemm jitlesta ċ-Ċentru l-ġdid. Issa tlesta l-bunker u nfetħet ukoll il-Palliative Ward.


Komplejna naħdmu fuq il-prevenzjoni tal-Kanċer b’suċċess. Fin-National Breast Screening Centre il-persentaġġ tan-nisa li jattendu tela’ għal 67%. Il-kanċer fuq 49 mara nqabad fi stadju bikri u qed tingħata l-kura meħtieġa.
Żdiedu 11-il mediċina ġdida b’xejn għal-kanċer fil-pulmun, fid-demm, fil-kliewi, fl-istonku, fil-moħħ, fis-sider u fil-prostata. Fi 3 snin inxtraw b’aktar minn 16 il-miljun ewro f’mediċini għal kanċer.  Żieda ta’ 65%:  minn 4.4 miljun ewro fl-2008 għal 7.3 miljun ewro fl-2010.


Żdiedu wkoll it-testijiet u trattamenti kontra l-kanċer. Tobba tal-familja issa jistgħu jordnaw testijiet tal-prostata b’xejn fl-isptarijiet għall-pazjenti tagħhom. Pazjenti jistgħu jagħmlu PET Scan fi sptar privat u l-Gvern iħallas għal dan it-test. Tlesta wkoll il-proċess li bih inxtraw 3 Linear Accelerators għar-raġġi.


Biex dan kollu jsir dejjem għandna bżonn professjonisti kwalifikati u mħarrġa bl-aħjar mod. Tul l-2010 beda kors ġdid b’kollaborazzjoni bejn l-Universita’ ta’ Malta u ta’ Cardiff. Tnax-il student, qed jagħmlu kors tar-Radjografija djajnjostika u terapewtika. Iżda l-aktar pass importanti li għamilna flimkien tul l-2010 kien il-preparazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Kura tal-Kanċer, li issa ġie ippublikat, b’ ħames prijoritajiet: Prevenzjoni, Screening u dijanjożi bikrija, Kwalità tal-Kura, Appoġġ personali u Soċjali, kif ukoll Riċerka u evalwazzjoni. Dan il-pjan jorbot mhux biss lill-Gvern tal-lum imma jiggarantixxi ħidma kostanti u dejjiema fil-futur fil-ġlieda kontra l-kanċer.


Is-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali fl-2010 fissret li ħafna pajjiżi, ferm akbar minn tagħna kellhom jieħdu miżuri drastiċi tant li naqqsu s-servizzi tas-Saħħa. Aħna mhux talli m’għamilniex hekk, talli, fil-waqt li żidna l-ħidma fil-Kura tal-Kanċer, komplejna nżidu wkoll is-servizzi u l-mediċini, u fuq kollox bqajna ma’ daħħalna ebda ħlas – is-saħħa baqgħet b’xejn.


Fl-2010 żdiedu 16-il mediċina ġdida mal-formularju tal-mediċini li jitqassmu b’xejn. Il-pazjenti tagħna, is-sena li għaddiet ħadu €24.4 miljun ewro f’mediċini mill-Isptar Mater Dei – żieda ta’ 10.5% fuq l-2009.


Permezz tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) aktar nies qed jinqdew mil-lokalità tagħhom. In-numru ta’ persuni li jiġbru mediċini mill-Iskema issa tela’ għal 51,500 u qed ikompli jiżdied! B’kollox hemm 113-il spiżerija li joffru dan is-servizz li matul l-2010 qassmu €7.2 miljun f’mediċini b’xejn.

Aktar pazjenti qed jagħmlu użu mis-servizzi fl-Isptar Mater Dei. Fl-2010, aktar minn 53,000 persuna daħlu l-Isptar għall-kura.  Kien hemm ukoll aktar minn 33,586 pazjent li għamlu użu mis-servizzi fid-Day Care. Saru kważi 500,000 vista fl-Out-patients – żieda medja ta’ 1,600 vista kuljum jew 12% fuq l-2009.


Fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, 107,102 persuni ingħataw kura – medja ta’ 293 persuna kuljum.  Minn dawn medja ta’ 66 persuna ikollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar.


Fid-Dipartiment tal-Patoloġija saru aktar minn ħames miljun test – medja ta’ 14,446 test Kuljum.  Żieda ta’ miljun test fuq dawk li kienu jsiru fl-Isptar San Luqa.


Fid-Dipartiment tar-Radjoloġija saru aktar minn 185,000 test – MRI, CT Scan, Ultrasound, X-Rays u ħafna aktar, fosthom testijiet sofistikati u servizz ta’ 24 siegħa fl-Emerġenza.  Saru wkoll aktar minn 38,000 test fiċ-Ċentri tas-Saħħa.


U f’nofs din il-ħidma kollha żdiedu l-operazzjonijiet – dan fi sforz konkret sabiex iż-żmien ta’ stennija għal-pazjenti li għandhom bżonn operazzjoni jkompli jitnaqqas. Nirrepeti – żmien ta’ stennija (waiting time) u mhux numru jistennew (waiting list). La darba, grazzi għas-servizzi tas-saħħa eċċellenti li qed noffru, il-poplu tagħna qed jgħix aktar fit-tul, in-numru ta’ nies biex jagħmlu operazzjonijiet qatt ma’ jista’ jkun żero. Huwa ż-żmien ta’ stennija li jrid ikompli jonqos u fuq dan qed naħdmu u fuq dan għandna nibqgħu ffukati, allavolja hemm min irid ifixkilna!


Fil-fatt, tul is-sena 2010 fl-Isptar Mater Dei sar numru rekord ta’ operazzjonijiet u interventi kirurġiċi b’aktar minn 40,000 operazzjoni - żieda sostanzjali ta’ aktar minn 3,000 fuq l-2009, iżda tfisser ukoll żieda ta’ aktar minn 9,000 operazzjoni fuq l-2007 - l-aħħar sena ta’ ħidma fl-Isptar San Luqa.


Fl-2010 sar Patient Experience Survey ma’ pazjenti li użaw l-Isptar. Dan is-survey wera li għalkemm il-pazjenti jħossu li hemm dewmien fl-Emerġenza u fid-Discharge, aktar minn 90% huma sodisfatti ferm bis-servizz tal-Isptar.


Tul l-2010 saru aktar minn 67,000 sessjoni ta’ kura mill-fiżjoterapisti – żieda ta’ 4% fuq l-2009. Fil-futur id-Dipartiment tal-Fiżjoterapija u l-Occupational Therapy għandu jiġi ċentraliżżat f’dan l-Isptar Karin Grech. Dan se jsir wara li jitkabbru l-faċilitajiet għal dan il-għan. Dan mhux biss kien parti mill-pjan oriġinali tal-Isptar Mater Dei imma għaliex l-Allied Health Professions, jiġifieri fiżjoterapisti, terapisti okkupazzjonali u speech language pathologists u s-servizzi li jagħtu huwa l-pern tal-ħidma u s-servizzi li noffru fi sptar ta’ Rijabilitazzjoni, jiġifieri dan l-isptar - mhux biss għall-anzjani imma għal nies ta’ kull eta’.


Għalkemm ir-riforma formali fil-Kura Primarja waqfet, dan ma’ jfissirx li l-ħidma lejn servizzi aktar effiċjenti qrib in-nies ma’ komplietx. Il-fatt li fl-2010 saru aktar minn 586,000 vista fuq pazjenti mit-tobba fil-Bereġ u ċ-Ċentri tas-Saħħa, u l-fatt li żdiedu wkoll il-visti li saru mill-konsulenti fiċ-Ċentri tas-Saħħa minn ftit aktar minn 6600 fl-2009 għal aktar minn 7000 fl-2010, hija prova ta’ kemm għandna nkomplu naħdmu biex intejbu dawn is-servizzi.


Fil-fatt, fl-2010, inawgurajna digital X-Ray machine fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta u dan sabiex pazjenti ma’ jkollomx għalfejn imorru Mater Dei biex jieħdu parir mediku u kura imma jinqdew fiċ-Ċentri Tas-Saħħa stess.
Permezz tal-iSchool Health Services (li wkoll jagħmlu parti integrali mis-servizzi tal-Kura Primarja) – aktar minn 39,000 tifel u tifla sarilhom xi wieħed mit-testijiet u check ups li huma ta’ rutina fl-iskejjel tagħna fosthom: it-tul, il-piż, l-iżvilupp, l-għajnejn, u ħafna aktar. Dan is-servizz jorbgħot il-Kura Primarja mal-iScreening u l-Prevenzjoni.
Bla dubju li qed naħdmu ħafna, iżda rridu nżidu l-ħidma tagħna fis-settur tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard. Illum, madwar id-dinja kollha, l-attenzjoni hija fuq il-prevenzjoni u dak li jissejjaħ “empowerment”. Dan ifisser li l-pubbliku, il-pazjenti u l-professjonisti jkunu nfurmati sew fuq il-kundizzjonijiet tas-saħħa u jkollhom aċċessibilta’ għall-informazzjoni u għas-servizzi sabiex inkomplu ntejjbu s-saħħa ta’ kull membru tas-soċjeta’. Huwa permezz ta’ dan il-proċess tal-“empowerment” li aħna nistgħu nogħżżu aktar saħħitna u nnaqsu l-mard.


Fl-2010 saret ħidma fuq, u ġew ippublikati, in-Non Communicable Disease Strategy u, wara ħafna stennija, s-Sexual Health Policy, fil-waqt li appik li tiġi konkluża l-Obesity Strategy. Dawn id-dokumenti huma xhieda li l-impenn fil-prevenzjoni qed nagħmluh b’mod strutturat sabiex verament nibdew naraw ir-riżultati mixtieqa.
Parti oħra ferm essenzjali fis-settur tas-Saħħa (li wkoll għandha l-aspett preventiv) hija l-ħidma fis-Saħħa Ambjentali. Bi pjaċir ngħid li d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali kien l-ewwel dipartiment tal-Gvern li kiseb l-ISO 9001 mill-Malta Standards Authority – bla dubju, sinjal ċar tax-xogħol metikoluż u professjonali li jagħmel dan id-dipartiment.


Ħidma oħra fuq livell preventiv imma wkoll fuq dak regolatorju kienet il-ħidma tal-Awtorita’ tas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post Tax-Xogħol. Nixtieq insemmi b’mod partikolari l-aspett edukattiv li l-OHSA qed tagħmel mat-tfal tal-iskola kif ukoll fuq il-meżżi tax-xandir, li flimkien mat-taħriġ kostanti direttament mal-ħaddiema u min iħaddem qed inkomplu nnaqsu l-perikli (uħud minnhom fatali) marbuta mal-ħidma u l-post tax-xogħol.
Il-ħidma tagħna, kolletivament, għandha l-istess għan – dak li ntejjbu s-saħħa u l-kwalita’ tal-ħajja ta’ kull individwu f’pajjiżna. Kulljum, ir-riċerka toħroġ b’riżultati ġodda li jitfgħu aktar dawl fuq kundizzjonijiet li nafu bihom u oħrajn ġodda. L-istess riċerka tisfidana sabiex insibu toroq ġodda li jwasslu għal-fejqan. Fl-2010, pajjiżna għamel passi importanti bl-introduzzjoni ta’ servizzi u Proċeduri Ġodda, fosthom il-Cochlear Implant, Bilateral Cochlear Implant, Transcatheter Aortic Valve Implantation (TAVI), Radiofrequency Ablation, Transarterial chemoembolization u l-Bone Anchored Hearing Aid (BAHA). Għamilna wkoll tħejjijiet neċessarji sabiex minn din is-sena 2011 jibda jiġi offrut id-Deep Brain Stimulation, li tinvolvi t-trapjant ta’ apparat mediku li jissejjaħ brain pacemaker. Dan huwa investiment ċar fis-saħħa tal-poplu tagħna, qabża kbira fil-kwalita’ tas-servizzi u fuq kollox tagħma ikbar li l-pazjenti u l-familji tagħhom jistgħu jibqgħu f’Malta jieħdu l-kura bla ħlas u bla skariġġ.

Pajjiżna ħa sehem fis-Survey Ewropew Pilota Dwar is-Saħħa li tnieda fl-2010. Permezz ta’ dan is-survey qed jittieħed ritratt ċar tal-istat tas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dan is-survey huwa wieħed partikolari għaliex huwa bbażat fuq check-up u mhux intervista jew sensiela ta’ mistoqsijiet. Dan il proġett qiegħed jirċievi fondi mill-Unjoni Ewropeja permezz tal-Programm dwar is-Saħħa Pubblika. Din se tkun għodda utli u essenzjali sabiex inkunu nistgħu nkomplu ntejjbu s-servizzi tagħna skond il-veru ħtieġa ta’ saħħet il-poplu.


Għalkemm l-istatistika u l-figuri li semmejt illum jistgħu jimpressjonaw lil xi wħud, qatt m’għandna ninsew li dawn in-numri huma nies - persuni bħali u bħalkom li għaddejin minn żmien vulnerabbli u diffiċli. Mhux biss, imma magħhom inżidu wkoll il-familji tagħhom. B’dan il-ħsieb nixtieq li nikkonkludi minn fejn bdejt dan id-diskors. Jiena dejjem emmint li l-kura tista’ toħodha fl-aqwa sptar, bl-aqwa mediċina, imma jekk m’għandekx nies li għandhom l-għarfien u (fuq kollox) il-qalb biex jikkuraw lil morda … m’għandek xejn!


Jiena kburi bil-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Naf pero’ li hemm individwi li jħossu li magħhom m’għamilniex biżejjed, jew m’għamilna xejn! Jista’ jkun li fil-fatt inqasnihom. Ejja ma ninsewx aħna minn fejn bdejna. Aħna kollha kellna sejħa biex nagħmlu dan ix-xogħol u minn żmien għall-ieħor irridu niftakru f’dik il-vokazzjoni. Hemm min qed jistenna appuntament, operazzjoni, intervent. Dawn in-nies m’humiex numru, dawn huma nisa, rġiel, tfal u anzjani li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Naf li biex il-ħidma tagħna tkompli tkun suċċess irridu nżidu r-riżorsi umani tagħna u ntejjbu dak li diġa għandna. L-isforzi tagħna f’dan il-qasam ma’ waqfux, anzi intensifikaw ruħhom speċjalment fl-ingaġġ ta’ aktar infermiera u fit-taħriġ.


Fis-sena 2010 tlestiet l-ewwel sena tal-kors tal-Malta Foundation Programme li jitmexxa mill-Malta Foundation School, b’kollaborazjoni mal-UK Foundation Programme Office. In-numru ta’ tobba tal-foundation żdiedu bi 23%, minn 83 (fl- 2009) għal 102 (fl-2010). Dan fisser ukoll li fil-waqt li fl-2007 kienu 63.6% tat-tobba li baqgħu f’Malta, issa dan in-numru tela’ għal- 84.2%.


It-taħriġ speċjaliżżat mhux biss għat-tobba imma wkoll għall-infermiera, u l-professjonisti kollha. Fis-sena akkademika 2010/11 fl-Università se jkun hemm total ta’ 342 student f’korsijiet tan-nursing – minn diploma sal-B.Sc.


Wara il-kruċjata kontra n-numerus clausus fil-kors tal-infermiera u fiżjoterapija, skantajt meta kien hemm ftit li xejn reazzjoni għal-fatt li, bl-intervent dirett ta’ dan il-Ministeru, u b’kollaborazzjoni sħieħa mal-Universita’ ta’ Malta, fl-2010 twaqqfet il-Fakulta’ ġdida tax-Xjenzi fil-Kura tas-Saħħa, spiċċa n-numerus clausus fil-kors tal-infermiera u irdoppja n-numru ta’ studenti fil-fiżjoterapija.


Kollha kemm aħna nafu li, għalkemm għamilna u qed nagħmlu ħafna, xorta fadal ħafna xi jsir. Naf li l-kummenti negattivi fil-media u l-attakki politiċi ma’ jgħinux. Naf li ħafna minnkom tħossukhom imweġgħin u demoraliżżati meta tiddefsu f’logħoba bla sens li l-għan aħħari tagħha huwa li ċċappas bi ħmieġ lilkom biex nidher ikraħ jien u biex jidher ikraħ il-Gvern. Meta fil-miżien inpoġġi dak li għamilna flimkien fuq naħa u dawk li kienu n-nuqqasijiet żgur u ċert li l-miżien se jaqleb lejn is-suċċess u mhux il-falliment.

Il-ħidma tagħna tibqa’ dejjem iffukata fuq il-ġid tal-pazjent, l-iżvilupp tal-kwalitajiet u abbiltajiet tal-professjonisti tagħna u l-isforz sabiex inżommu ruħna aġġornati ma’ l-aħħar żviluppi mediċi u teknoloġiċi. Id-dinja għaddejja minn żmien ta’ taqlib kbir, ta’ bidliet u ta’ inċertezzi li jistgħu jħalluna xi ftit perplessi. Ejja lkoll nibqgħu ffukati fuq dak li hu dmirna lejn kull persuna li verament għandha bżonn, iżda ejja ma’ naqtgħux qalbna u ma’ nibżgħux mill-bidliet li l-għan aħħari tagħhom għandu jkun dejjem il-kwalita’ ta’ ħajja għolja li tixraq lil kull membru tas-soċjeta’ tagħna.


… U għal darb’oħra, minn qalbi, … Grazzi

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Żewġ artijiet f’Pembroke se jiġu ttrasformati f’żona ta’ rikreazzjoni u dog park permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

PR262004

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow