ĠIMGĦA T’ATTIVITAJIET IŻŻID L-GĦARFIEN DWAR KARRIERI FIT-TURIŻMU F’GĦAWDEX
F’Għawdex qed tinżamm għat-tielet sena konsekuttiva dik li ġiet imsejħa ‘Navigate...a career in tourism week’. Din hija inizjattiva promossa mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex bil-għan li studenti Għawdxin jiksbu aktar għarfien u jsiru midħla ta’ opportunitajiet ta’ xogħol offruti mis-settur turistiku f’Għawdex stess. Fl-istess waqt tkun ukoll mezz kif dawk involuti fl-edukazzjoni ta’ dawn l-istudenti flimkien mal-ġenituri tagħhom jiġu wkoll f’kuntatt dirett mas-settur u b’hekk l-għażla ta’ karrieri marbuta mas-settur turistiku tkun tista’ tiġi kkunsidrat kif inhu mistħoqq.
Din l-attività li issa saret waħda annwali, tittella’ b’kollaborazzjoni mill-Ministeru għal Għawdex, is-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u Kultura, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex (GTA) flimkien mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Għawdex. L-attività ta’ din is-sena ġiet inawgurata permezz ta’ konferenza li kienet intiża li tinvolvi f’diskussjoni l-operaturi ta’ servizzi turistiċi f’Għawdex flimkien ma’ uffiċjali minn entitajiet pubbliċi li jaħdmu fil-qasam edukattiv u dak turistiku. Din id-diskussjoni ttrattat t-tema ‘Ir-Riżors Uman u l-Edukazzjoni f’Għawdex’ u kienet immexxija mill-personalità fil-qasam tal-ġurnaliżmu Ruth Amaira.
Għal din il-konferenza attendiet ukoll l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex. Hija pparteċipat b’mod dirett waqt il-kors tad-diskussjoni fejn kellha l-okkażjoni tispjega l-inizjattivi meħuda mill-Ministeru għal Għawdex matul l-aħħar snin li wasslu għal titjib sostanzjali kemm fil-prodott turistiku Għawdxi kif ukoll permezz ta’ żieda fis-servizzi edukattivi f’dan il-qasam. Bla dubju l-bini mill-ġdid tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi ġewwa l-Qala kien proġett li ndirizza b’mod effettiv il-ħtieġa li r-riżors uman f’Għawdex jiġi mħarreġ b’mod tajjeb biex b’hekk ikun jista’ joffri servizz ta’ kwalità fl-istabilimenti turistiċi Għawdxin. Il-Ministru Debono spjegat kif it-twaqqif tad-Direttorat għat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex huwa wkoll inizjattiva b’risq it-tisħiħ tas-settur turistiku li hu pilastru ewlieni fl-ekonomija ta’ Għawdex. L-Onor. Giovanna Debono faħħret il-kontribut validu li tagħti l-GTA lis-settur turistiku Għawdxi u fissret kif il-Ministeru għal Għawdex ser ikompli jsostni din il-ħidma għall-ġid tal-gżira ta’ Għawdex. Il-Ministru għal Għawdex irringrazzjat lil dawk kollha li kkollaboraw fl-organizzazzjoni ta’ din il-ġimgħa ta’ attivitajiet li hija awgurat li “ser tkun inizjattiva li tintlaqa’ tajjeb bħal ma ntlaqgħu dawk ta’ qabilha”.
Fost il-kelliema li ndirizzaw il-konferenza kien hemm is-Sur Kevin Drake, Direttur tal-Komunikazzjoni tal-MTA u s-Sinjura Fleur Attard, Uffiċjal Inkarigat mill-ITS f’Għawdex filwaqt li s-Sur Joe Muscat, Segretarju tal-GTA u s-Sur Marcel Bonniċi, Manager tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ f’Għawdex għamlu żewġ preżentazzjonijiet relatati mas-settur.
L-attivitajiet imħejjija matul din il-ġimgħa jinkludu ‘Student Trails’ li matulhom l-istudenti jipparteċipaw fi żjajjar li jeħduhom f’siti storiċi u attrazzjonijiet turistiċi madwar Għawdex, f’lukandi u stabilimenti turistiċi oħra flimkien ma’ żjajjar fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala. B’hekk l-istudenti ser jiġu f’kuntatt dirett mas-settur filwaqt li jkunu jistgħu jevalwaw ukoll il-faċilitajiet ta’ tagħlim u taħriġ li jistgħu jsibu f’Għawdex.
Attività oħra ser tinkludi laqgħat ma’ ‘personalitajiet’ li għandhom rwoli differenti fil-qasam turistiku. B’hekk l-istudenti jżidu l-għarfien tagħhom dwar dawn ir-rwoli li jinkludu Hotel Manager, Food & Beverage Manager, Operations Manager, Housekeeper, flimkien ma’ operaturi fl-agroturiżmu u l-industrija artiġjanali.
Il-ġimgħa tal-karrieri fit-turiżmu tiġi fi tmiemha nhar il-Ħadd 17 t’April 2011 meta l-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala ser ikun miftuħ għal pubbliku bejn in-nofs siegħa ta’ wara nofsinhar u s-sitta ta’ filgħaxija. Dawk li ser imorru ser ikunu jistgħu jipparteċipaw fi żjajjar madwar l-Istitut filwaqt li ser tingħata wkoll informazzjoni fuq korsijiet li għaddejjin bħalissa u oħrajn li ser jibdew minn Ottubru li ġej. Ir-restorant tal-istitut ser jintuża bħala kafetterija fejn l-istudenti attwali ser ikunu qed iservu ikel li ppreparaw huma stess.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en