DISKORS MILL-ONOR. GEORGE PULLICINO, MINISTRU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI, WAQT IL-FTUĦ TAL-PARK TAN-NATURA U Ċ-ĊENTRU TA’ ŻVILUPP SOSTENIBBLI – XROBB L-GĦAĠIN, DELIMARA – IL-ĠIMGĦA, 8 TA’ APRIL 2011
Onor Prim Ministru
Mistiedna distinti
Sinjuri.
Huwa ta’ pjaċir għalija li llum qegħdin hawn sabiex ninawguraw dan il-park li joffri spazju miftuħ u rikreattiv f’din iż-żona tant sabiħa ta’ pajjizna. Dan il-Park joffri wkoll Nature Trail, jiġifieri mixja ta’ kilometru u nofs li matulha jkun spjegat id-diversita’ ekoloġika li nsibu f’dan il-Park.
Xrobb l-Għaġin huwa eżempju ħaj fejn naraw is-sostenibbilità ambjentali sseħħ fil-prattika. Xrobb l-Għaġin hu ċentru interattiv ta’ tagħlim ambjentali f’post ta’ rilassament u miftuħ għat-tgawdija tal-familja kollha.
Dan il-post kif tistgħu taraw għandu żewġ turbini tar-riħ u sistema ta’ panelli fotovoltajiċi li flimkien għandhom kapaċità li jissuplixxu 25 KW ta’ enerġija nadifa. Din l-enerġija hija biżżejjed biex jopera dan il-post.
Irridu naraw li r-riżorsi naturali tagħna jkunu sostenibbli. Ridna għalhekk ukoll li bi Xrobb l-Għaġin nagħtu eżempju. Fil-fatt sar Biological Treatement Plant, jiġifieri sistema li titratta l-ilma tad-dranaġġ u ddawru f’second class water biex jintuża għat-tisqija tal-post. F’dan il-post saret ukoll ġiebja li għandha kapaċità li tilqa’ fiha l-ilma tax-xita ta’ madwar il-park u s-saqaf sa 200 metru kubu ta’ ilma
Dan il-post joffri veduti mill-isbaħ mal-baħar. Baħar li wkoll inridu nibqgħu naħdmu sabiex niżguraw il-kwalità tiegħu. Hu ta’ sodisfazzjon li l-MEPA tul l-aħħar xhur żiedet 4 Marine Protected Areas. Dan ifisser li 4% tat-territorju tal-ibħra Maltin huwa issa protett. Tajjeb li nfakkar ukoll li ftit taż-żmien ieħor se nkunu l-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea li se nkunu qegħdin nitrattaw id-dranaġġ kollu ta’ pajjiżna qabel dan jintefa’ l-baħar. Dan se jseħħ bil-ftuħ tat-tielet Sewage Treatment Plant li se jkun f’Ta Barkat.
Il-Park li qegħdin fih illum li sar b’ko-finanzjament mill-Iżlanda, Liechtenstein u n-Norveġja taħt il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja, m’hu xejn ħlief investiment ta’ Miljun Ewro fl-edukazzjoni ambjentali ta’ wliedna.
Issa li wasalna s’hawn inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu niżviluppaw dan iċ-ċentru ambjentali bit-tieni fażi tiegħu li se tkun tikkonsisti fir-riabilitazzjoni tal-annimali tal-baħar fosthom il-fkieren. F’dawn l-aħħar snin tfajna lura ‘l baħar numru ta’ fkieren medja ta’ 15 fis-sena, li jkunu nstabu feruti jew batuti fl-ibħra u għalhekk jinġiebu fiċ-ċentru ta’ San Luċjan għall-kura.
Xrobb l-Għaġin hu l-ewwel minn 8 parks li għandna ppjanati li nagħtu lill-familji Maltin u Għawdxin fix-xhur u s-snin li ġejjin. Qed naħdmu biex indawwru l-miżbliet il-magħluqa f’Parks f’Wied il-Għajn, fil-Magħtab u fil-Qortin Għawdex. Qed naħdmu fuq Park għall-familja fil-Mellieħa, estensjoni tal-park tas-Salini u estensjoni tal-park nazzjonali f’Ta’ Qali. Se jingħata bidu għal Park ġdid f’Delimara.
Xrobb l-Għaġin hu proġett li jkompli jżid mal-potenzjal turistiku qawwi ta’ Marsaxlokk. Fix-xhur li għaddew investejna maż-żewġ miljun ewro fi promenade ġdid għal Marsaxlokk u fix-xhur li ġejjin sejrin ninawguraw ukoll il-proġett tal-pjazza ta’ Marsaxlokk li se jkun fiha wkoll monument b’rikonoxximent lejn is-sajjieda.
Aħna nemmnu fl-importanza li noffru aktar spazju miftuħ u aktar arja nadifa. U dan hu post li joffri dawn l-aspetti. Nawgura li dan il-Park iservi ta’ avventura għal kull min iżuru filwaqt li jkun il-benniena li minnha joħorġu aktar ambaxxaturi tal-ambjent.
Fl-aħħarnett ippermettuli nirringrazzja l-ewwel lill-pajjiżi li kkontribwew finanzjarjament għal dan il-proġett biex flimkien ma’ fondi tal-Gvern Malti stajna nagħmlu dan il-proġett. Irrid nirringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-Ministeru tiegħi li ħadmu f’dan il-post taħt id-direzzjoni tal-foreman Ray Bugeja. Għal darb’oħra dawn il-ħaddiema urew li l-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet jagħtu prodott ta’ kwalità. Ippermettuli nirringrazzja wkoll lill-bank HSBC li kkontribwixxa ħalli hawnhekk jitħawlu xejn anqas minn madwar 17,000 siġra matul l-aħħar 3 snin. L-aħħar u l-akbar grazzi tmur lin-Nature Trust li magħhom bnejna dan il-proġett. Ittrasformajnieh minn post mitluq għal ċentru għall-iżvilupp sostenibbli u ċentru għall-apprezzament tal-ambjent ta’ pajjiżna. Dan huwa proġett eżempju ħaj ta’ partnership bejn il-gvern, is-socjetà civili u l-privat.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en