IPPREŻENTAT IR-RAPPORT TAT-TIELET SENA ĦIDMA TAS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI ŻGĦAŻAGĦ U SPORT FI ĦDAN IL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA
Matul is-sena li għaddiet, il-Gvern kompla jinċentiva x-xogħol għaliex jemmen li x-xogħol huwa ċ-ċavetta tas-suċċess għall-familji tagħna u għaż-żgħażagħ tagħna. Ix-xogħol huwa wkoll l-aqwa forma ta’ solidarjetà.
Dan sostnieh l-Onor Clyde Puli meta dalgħodu ppreżenta l-ħidma tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fiċ-Ċentru AĊĊESS fil-Belt Valletta.
Il-ħidma tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol qed tħalli l-frott mixtieq. Fil-fatt, minkejja l-kriżi ekonomika internazzjonali, pajjiżna sa Diċembru 2010 kien:
• Ir-raba’ pajjiż bl-anqas rata ta’ qgħad minn fost is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea
• Ir-raba’ pajjiż li għandu l-anqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ.
Biex iż-żgħażagħ jirnexxu lkoll, il-Gvern hu impenjat li jagħtihom l-għodda u l-ħiliet neċessarji biex ikunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet u jilqgħu l-isfidi li jiltaqgħu magħhom.
Din is-sena waqqafna l-Aġenzija Żgħażagħ, li se tkun qed tieħu l-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ – li kienet riveduta fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura – bħala l-boxxla li tiggwida l-ħidma tagħha. Din l-Aġenzija għandha r-rwol:
• Li tassigura li l-politika tal-Gvern tkun qiegħda f’kull każ tikkunsidra l-perspettiva taż-żagħżagħ
• Li tamministra n-National Youth Empowerment Programme li permezz tiegħu, iż-żgħażagħ jingħataw aċċess għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà, kif ukoll l-opportunità li jiżviluppaw il-ħiliet u t-talenti tagħhom permezz tal-edukazzjoni mhux-formali li tikkumplimenta dik formali.
Il-Programm Nazzjonali tal-Empowerment hu magħmul minn diversi programmi li jagħtu ħiliet ġodda u aċċess liż-żgħażagħ. Fosthom insibu l-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ, fejn fis-sentejn li għaddew, 360 żagħżugħ u żagħżugħa ħadu sehem f’dan il-programm, il-Konkors tal-Letteratura għaż-Żgħażagħ, li jħeġġeġ lill-awturi stabbiliti jiktbu letteratura għaż-żgħażagħ u jħeġġeġ ukoll liż-żgħażagħ jiktbu xi testi letterarji huma stess; il-VolTours, li jimmotiva liż-żgħażagħ jagħmlu esperjenzi ta’ volontarjat u l-Portal ta’ Informazzjoni għaż-Żgħażagħ li jagħti liż-żgħażagħ aċċess għall-informazzjoni u jgħinhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom bl-aħjar mod.
L-edukazzjoni formali u mhux formali flimkien mat-taħriġ huma ċ-ċavetta għas-suċċess ta’ wliedna, għaliex biex noħolqu xogħol ta’ kwalità irid ikollna ħaddiema imħarrġin tajjeb u flessibbli. Għalhekk:
• Qed ninvestu €330 miljun biex noffru edukazzjoni tajba – mill-edukazzjoni bikrija sal-edukazzjoni ogħla, bħall-Università, l-MCAST u l-ITS
• Qed inkomplu ninvestu direttament fl-istudenti b’madwar €23 miljun fi stipendji lil 18,000 żagħżugħ u żagħżugħa
• Introduċejna s-sistema tal-e-learning biex aktar tfal jiżviluppaw f’ambjent madwar it-teknoloġija tal-informatika
• Permezz tal-ETC, fis-sena 2010 għamlet 100 programm ta’ taħriġ differenti, li minnhom gawdew aktar minn 3,500 żagħżugħ u żagħżugħa
• Qassamna mijiet ta’ scholarships biex insaħħu l-edukazzjoni ogħla
• Nidejna l-Youth Inc sabiex iż-żgħażagħ li joħorġu mill-iskola obbligatorja mingħajr il-ħiliet u ċ-ċertifikazzjoni bażika jingħataw opportunità oħra biex jirnexxu.
Il-Gvern jifhem li ż-żgħożija hija kkaratterizzata minn diversi transizzjonijiet li jġibu magħhom sew opportunitajiet kif ukoll riskji. Fost it-transizzjonijiet prinċipali li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ insibu t-transizzjoni mill-iskola għax-xogħol; it-transizzjoni mid-dar li jkunu trabbew fiha għal dar ġdida li fiha jiffurmaw il-familja ġdida tagħhom, u t-transizzjoni miż-żgħożija għall-istat ta’ adult. Għal dan il-għan l-Gvern qiegħed joffri wens u jservi ta’ appoġġ għaż-żgħażagħ matul it-transizzjonijiet tagħhom.
Biex niffaċilitaw it-transizzjoni taż-żgħażagħ mill-iskola għax-xogħol:
• Impjegajna fl-iskejjel u l-kulleġġi diversi, Carreer Advisors u Counsellors biex jiggwidaw liż-żgħażagħ fl-għażliet tagħhom
• Ħloqna learning zones għall-adolexxenti li għandhom bżonn l-għajnuna mingħand tim inter-dixxiplinarju ta’ professjonisti
• Komplejna l-proġett E4L li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ żgħażagħ, li jsibuha diffiċli jsibu impjieg
Biex nakkumpanjaw l-adoloxxenti fil-vjaġġ tagħhom biex isiru adulti għamilna:
• L-proġett Be-Smart-Online għall-Protezzjoni fuq l-internet
• Programmi ta’ prevenzjoni biex inħarsu liż-żgħażagħ mill-vizzji u l-abbużi
• Promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-adoloxxenti
Il-Gvern qiegħed ikun ta’ sostenn ukoll għall-familja żgħażugħa li għadha trabbi, b’inizjattivi bħal:
• Il-ftuħ ta’ 3 child-care centres fl-2010 f’Bormla, is-Siġġiewi u Pembroke, li issa żdiedu ma’ dawk diġa eżistenti fil-Qawra, l-Birgu, B’Kara, il-Għargħur, Ħal-Luqa u Raħal Ġdid
• Inċentivi fiskali għall-ġenituri li jkomplu jaħdmu
• Il-programm Home-Start, li qed isir biex ngħinu lill-ġenituri żgħażagħ fit-trobbija ta’ wliedhom.
Il-Gvern jemmen li l-isport huwa għodda oħra li jgħin biex jibni l-karattru taż-żgħażagħ tagħna, filwaqt li jikkultiva soċjetà fiżikament u mentalment b’saħħitha, u jikkontribwixxi għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Għalhekk matul is-sena li għaddiet:
• Tajna madwar €5.5 miljun f’assistenza lill-għaqdiet sportivi, li minnhom 14-il skema huma amministrati mill-Kunsill Malti għall-Isport
• Qed nagħmlu 16-il ground tal-football ġdid bit-turf sintetiku
• Ftaħna l-Outdoor Fitness Centre f’Ta’ Qali, li issa qed jikkumplimenta l-Adventure Park li nfetaħ aktar kmieni, fi tmiem l-2009
• Komplejna bl-iskema Turiżmu Sportiv biex ninċentivaw il-ħolqien ta’ niċċa fit-Turiżmu Sportiv li tattira lejn pajjiżna. B’dan il-mod l-isport jikkontribwixxi għall-ekonomija tal-pajjiż filwaqt li jgħin biex l-attività sportiva issir aktar sostenibbli u indipendenti. Fis-sena 2010 b’din l-iskema attirajna lejn pajjiżna 41,000 bednight, kważi d-doppju ta’ dak li ġibna fl-2009.
• Saħħaħna l-iskema ta’ Inizjattivi Sportivi għall-Kunsilli Lokali bil-għan li nxettlu l-kultura sportiva fil-komunitajiet. Fil-fatt fl-2010, 27 kunsill lokali tellgħu total ta’ 138 attività sportiva li ipparteċipaw fihom 3,600 persuna..
• Saħħaħna l-Isport Promotion Unit (SPU) biex nilħqu aktar tfal fl-iskejjel. Fil-fatt, matul is-sena skolastika 2009/10, aktar minn 28,000 student u studenta (mhux esklussivi) ħadu sehem f’xi programm sportiv offrut mill-SPU. L-SPU qed itellgħu wkoll programmi ta’ Fundamental Basic Sports Skills għat-tfal tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames sena fl-iskejjel sabiex dawn jiksbu ħiliet bażiċi fil-ġinnasitka, fl-atletika u fl-għawm.
• Saħħaħna l-programmi sportivi tal-KMS, u s-sena li għaddiet ittellgħu 8 programmi sportivi offruti lil hinn mill-ħinijiet tal-iskola. Dawn il-programmi huma Skola Sport, Sports Fun, Summer-on-the-Move, Girls-on-the-Move, Active Youngsters, Arti Sports, Sports Buzz u Sports for All.
Bil-għan li nkomplu nsaħħu l-isport f’pajjiżna, nidejna proċess biex nirrevedu l-Politika Nazzjonali għall-Isport, li għandha telenka l-oġġettivi tal-pajjiż sas-sena 2020.
Other Press Releases:
PR262004
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U MILL-MINISTERU...
PR262003en